Lokali

L-Uffiċċju tal-Ombudsman u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika jiffirmaw Memorandum ta’ ftehim

L-Uffiċċju tal-Ombudsman Parlamentari u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ffirmaw
Memorandum ta’ Ftehim (MOU) biex itejbu l-kooperazzjoni ta’ bejniethom u flimkien ikomplu jippromwovu l-governanza tajba fl-amministrazzjoni pubblika.

Dan l-MOU jistabbilixxi qafas għall-kollaborazzjoni bejn dawn iż-żewġ entitajiet ta’
sorveljanza kostituzzjonali, li jiffoka fuq it-titjib tat-trasparenza, il-kontabilità u l-integrità fl-operat tal-Ministeri, dipartimenti u entitajiet pubbliċi.

L-iskop tal-ftehim jinkludi:

  • Skambju ta’ informazzjoni mhux ta’ natura personali li hija rilevanti għax-xogħol tażżewġ entitajiet, bi protokolli stretti dwar il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni ma’
    partijiet terzi li jeħtieġu minn qabel il-kunsens bil-miktub.
  • Kollaborazzjoni fuq proġetti konġunti, inklużi inizjattivi ta’ riċerka u seminars
    edukattivi, immirati biex jixprunaw l-effiċjenza u l-effettività tal-amministrazzjoni
    pubblika.
  • Koordinazzjoni dwar reviżjonijiet ta’ policy u titjib proċedurali biex jittejbu l-oqsma
    ta’ governanza u kontabilità.
  • Kondiviżjoni ta’ deċiżjonijiet jew riżoluzzjonijiet ta’ korpi internazzjonali li huma ta’
    interess reċiproku u li tagħhom huma membri ż-żewġ entitajiet.

Id-dispożizzjonijiet tal-MOU jenfasizzaw iż-żamma tal-indipendenza professjonali u l-kunfidenzjalità stretta fil-ħidma kollha li titwettaq, f’konformità mal-aħjar prattiċi u l-leġislazzjoni pertinenti.
L-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, enfasizza s-sinifikat ta’ dan il-ftehim, billi
stqarr, li din hija ġurnata oħra importanti għaż-żewġ Uffiċċji Kostituzzjonali tagħna, li
jirrappurtaw direttament lill-Parlament, fejn essenzjalment it-tnejn ifittxu li jsaħħu l-governanza tajba fis-settur pubbliku, fl-aħħar mill-aħħar fl-aħjar interess taċ-ċittadini tagħna.

Żied jgħid li ż-żewġ Uffiċċji huma determinati li jassiguraw li dan il-ftehim eventwalment iwassal għal inizjattivi prattiċi u tanġibbli sabiex l-għanijiet tiegħu jkunu jistgħu jintlaħqu kif xieraq.

L-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon, l-Ombudsman Parlamentari, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-ispirtu kollaborattiv tad-diskussjonijiet li wasslu għall-MOU. Hu sostna illi dan il-ftehim huwa pass importanti lejn it-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ sorveljanza u kontabilità fl-amministrazzjoni pubblika. Hija affermazzjoni għall-impenn tal-uffiċċji tagħna li nħarsu l-prinċipji ta’ governanza tajba.

Iż-żewġ uffiċċji huma impenjati li jimplimentaw l-MOU bl-akbar diliġenza u ser jaħtru
uffiċjali għolja biex jaraw li jkunu konformi u effettivi ma’ dan l-arranġament kollaborattiv.