Lokali

Pubblikazzjoni li ssellem lil ‘missier il-ktieb Malti’

F’dawn il-jiem ħareġ għall-bejgħ il-ktieb Pawlu kif nafu jien: tifkiriet dwar Pawlu Mizzi.

Il-ktieb tnieda fit-teatru tas-Salesjani f’tas-Sliema… u huwa kontribut xieraq għal persuna meqjus bħala ‘missier il-ktieb Malti’, u hu pijunier għall-pubblikazzjonijiet f’Malta.

L-importanza ta’ dak li għamel Mizzi kien deskritt mill-Professur Oliver Friggieri. Hu stqarr li l-istorja tal-Klabb Kotba Maltin, il-ħolma kbira ta’ bniedem kbir, Pawlu Mizzi, għad trid tkun studjata u mqiegħda fil-post proprju tal-kwadru kulturali ta’ Malta fi żmien ta’ tiġdid, kunflitt, ftehim, u tranżizzjoni.

Il-ktieb, Pawlu kif nafu jien, jinkludi aktar minn 40 kontribuzzjoni miktuba minn nies li kienu jafu jew ħadmu mill-qrib ma’ Pawlu Mizzi.

Dawn il-kitbiet, miġbura minn Sergio Grech, joħorġu l-karattru ta’ Mizzi permezz ta’ ħafna għajnejn differenti li, bħal biċċiet ta’ mużajk, jibnu xbiha waħdanija.

Fit-tnedija tkellem Fr Charles Cini, li semma’ l-kreattività ta’ Pawlu Mizzi ispirata mit-tagħlim ta’ Don Bosco.

Tkellem ukoll l-Professur Manwel Mifsud, li stqarr li, “l-messaġġ ta’ ħajjet Pawlu Mizzi hu li, bħala poplu żgħir, għandna nibżgħu għalina nfusna, għall-identità tagħna ta’ Maltin, għal ilsienna li hu xhieda ewlenija tal-istorja tagħna – nkunu lesti biex naħdmu u nbatu għalihom. Dik hi roadmap ta’ veru”.

Il-ktieb Pawlu kif nafu jien: tifkiriet dwar Pawlu Mizzi hu pubblikazzjoni tal-Klabb Kotba Maltin u jinsab għal bejgħ mingħand il-ħwienet ewlenin.