Lokali

“Rapport tal-Europol jikkonferma li f’Malta hawn il-preżenza tal-kriminalità organizzata” – PN

Il-Partit Nazzjonalista jiġbed l-attenzjoni dwar rapport li ħareġ riċentement, li reġa’ kkonferma l-preżenza tal-operat tal-kriminalità organizzata f’Malta.

F’rapport dwar il-kriminalità organizzata fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, ippubblikat f’April mill-Europol – bl-isem ‘Decoding the EU’s most threatening criminal networks’ – Malta sabet isimha f’lista b’mod negattiv, li tikxef in-nuqqasijiet fil-ġlieda tal-awtoritajiet ta’ pajjiżna kontra l-kriminalità organizzata.

Dan hu l-ewwel rapport tat-tip tiegħu li qatt sar mill-Europol, fejn jagħti informazzjoni u jikxef l-operat ta’ 821 netwerk ta’ kriminalità organizzata madwar l-Unjoni Ewropea.

Ir-rapport isemmi kif netwerks kriminali Taljani, bi stil mafjuż, instab li huma attivi f’aktar minn 45 pajjiż. Iżda minbarra fl-Italja, instab li Malta hi waħda mill-aktar pajjiżi li huma attivi flimkien mal-Belġju, il-Ġermanja, l-Olanda, ir-Rumanija u Spanja fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-Kolombja, l-Iżvizzera u l-Istati Uniti barra mill-Unjoni Ewropea. Dawn il-gruppi organizzati huma attivi l-aktar fit-traffikar tad-droga, li tinkludi l-kokaina, il-kannabis u l-eroina, racketeering u estorsjoni.

Skont dan ir-rapport, il-Europol identifikat li Malta qed tintuża bħala waħda mill-aktar ħames pajjiżi li hawn attività ta’ kriminalità organizzata li tiffoka fuq serq b’użu ta’ forza jew serq minn proprjetajiet. Dwan il-gruppi kriminali, meqjusa ta’ theddida għolja, ġejjin mill-Kroazija, il-Ġeorġja, l-Italja u r-Rumanija.

Fl-istess waqt, instab ukoll li f’Malta hawn preżenza wkoll ta’ netwerks kriminali mill-Ġorġja, li huma l-aktar attivi fi kriminalità organizzata marbuta mal-proprjetà, inkluż serq b’użu ta’ forza jew serq minn ġo proprjetajiet, flimkien ma’ preżenza wkoll fil-Greċja, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall u Spanja.

Fid-dawl ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista jtenni li f’pajjiżna għandna l-vantaġġ li għandna fruntieri naturali u suppost kontroll fuq min jidħol u joħroġ minn pajjiżna. Madankollu, jidher li dan il-vantaġġ mhux qed jintuża għall-interess tal-pubbliku biex nassiguraw sigurtà f’pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex dawn it-tip ta’ statistiċi jaħdem fuqhom u juri li qed jindirizzahom għax irridu nuru li bħala pajjiż m’hawnx spazju jew lok għall-kriminalità organizzata. Dan jista’ jsir biss jekk jinvesti fis-sigurtà u fl-infurzar ta’ pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lill-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija li jagħmlu d-dover tagħhom biex iżommu l-ordni u s-sigurtà f’pajjiżna.

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi, Darren Carabott.