Lokali Qorti

30 xahar ħabs għal raġel li sawwat lill-eks sieħba tiegħu bi xkupa u sakkarha f’darha

Mara li kienet għaddejja minn kalvarju ta’ vjolenza domestika u li saħansitra ma kinitx fdata mill-eks sieħeb tagħha Nadim Mharam Abdul Gader, Libjan ta’ 39 sena, tant li kien jeħodha miegħu kullimkien irnexxielha tattira l-attenzjoni ta’ Pulizija mara fl-Għassa taż-Żejtun u tirrakkonta dak li kienet għaddejja minnu.

Gader sforza lil mara tmur miegħu l-Għassa għax il-Pulizija riedet tkellmu fuq każ ieħor u hemm il-vittma rnexxielha tagħmel sinjal lil Pulizija li ħaditha f’kamra oħra u li din fetħet qalbha magħha għal mod kif kienet qed tiġi trattata minn Gader.

Swat b’lasta ta’ xkupa, theddid u li ma ħalliijiex toħroġ mid-dar tant li tilfet l-impieg tagħha. Minkejja dan kollu fix-xhieda tagħha fil-Qorti qalet li kienet lesta li taħfirlu għax skuża ruħu magħha u għalkemm ma kinux għadhom f’relazzjoni riedet li l-proċeduri jieqfu. Il-każ seħħ bejn l-4 u l-5 ta’ Diċembru tal-2121 u qabel.

Dan wassal biex ir-raġel residenti ż-Żejtun jiġi kundannat 30 xahar ħabs bil-Qorti torħroġ ordni ta’ trażżin għal perjodu ta’ tliet snin favur il-vittma. Il-Pulizija bagħtet għalih fuq rapport separat u huwa ħa lill-vittma miegħu għax ma kienx qed iħalliha waħedha.

Ma ridhiex ukoll tistenna barra l-Għassa għax beża’ li taħrab u għalhekk daħħalha miegħu fl-għassa. Kien hawn li l-vittma għamlet mossa lill-Pulizija u ħaditha f’kamra għaliha. Hawnhekk irrakkontatilha dak li kienet għaddejja minnu.

Minn hemm ittieħdet tagħmel rapport fis-sezzjoni tal-vjolenza domestika u eventwalment xliet lis-sieħeb tagħha fuq vjolenza domesika fosthom li ffastidjaha u li sakkarha fl-appartament tiegħu. Huwa ġie mixli wkoll li weġġagħha ħafif, li kiser il-kundizzjoniijiet tal-libertà proviżorja u li sar reċediv.

l-Maġistrat Rachel Montebello semgħet lill-prosekuzzjoni tgħid fil-Qorti li fuq perjodu ta’ tliet ijiem kien hemm tliet inċidenti separati. Il-vittma minn naħa tagħha xehdet li kienet ilha sentejn mal-akkużat iżda ma kinitx tgħix miegħu. Qalet li kien isawwatha qiesu darbtejn f’xahar iżda baqgħet miegħu għax kienet tħobbu.

Jakkuża b’infedelta u jsawwatha

Is-sitwazzjoni eskalat f’Diċembru tal-2021 meta l-imputat beda jakkużaha b’infedeltà u jgħidilha “issa tara x’ġej għalik, issa tara x’inhu ġej għalik”. Kompliet tgħid li taha daqa b’idu ċatt f’għajnejha u wara qalilha tmur tinħasel u jmorru jorqdu.

Tenniet li l-għada filgħodu qalilha biex tinża’ “ħalli tara x’ġej għalik” u beda jgħajjarha u jheddidha li se jġibha “skjava”. Spjegat li neżgħet iżda tgħattiet bil-friex għax kien il-bard. Qalilha li riedha tiffriża u qabad zokk ta’ xkupa u beda jagħtiha fuq koxxtejha, ġenbha u rasha sakemm il-lasta nqasmet tliet darbiet.

Il-vittma kompliet tixhed li l-eks sieħeb tagħha taha bil-ponn u bdiet taqta’ nifisha u talbitu biex ma jibqax isawwatha. Iżda aktar ma qaltlu biex jieqaf iktar beda jagħtiha u qalilha “tgħidlix please għax aktar ħa ntik”. Irrakkontat kif meta bdiet tgħatti rasha b’idejha biex ma tibqax taqla’, l-imputat beda jagħtiha fuq idejha u qalilha li fejn tgħatti ser tkompli taqla’.

Qalet li meta qasam il-lasta tal-ixkupa mar biex iġib zokk ieħor u taha darbtejn biz-zokk il-ġdid u b’kollox damet xi siegħa taqla’ d-daqqiet. Kompliet tgħid li bdiet tgħidlu li mhix se tammetti għal ħaġa li ma kinetx għamlet u kkalma u qalilha li hekk iridha mara li tqum fuq tagħha u ma riedx jismagħha tgħid li mhux vera li kienet marret maż xi ħadd ieħor.

Il-vittma qalet ukoll li l-imputat heddidha wkoll illi se jaqtagħlha saqajha barra u jitfagħha f’wheelchair u li se joqtolha. Sostniet li wara dan kollu l-imputat ma ridhiex titlaq minn ħdejh u ma ħalliha tmur mkien. Qalet li kien il-ħin kollu għassa magħha tant li kien jidħol magħha anke fit-toilet u dan għax beda jaħseb li se taħrablu.

“Il-ħin kollu miegħu, dell tiegħu beda jġibni u hu dell tiegħi, biex ma naħrabx u jgħidli illum mhux ħa toħroġ minn hawn.”, kompliet tgħid il-vittma. Qalt ukoll li kienu qed joqogħdu f’kamra waħda biss bil-kamra tal-banju, u minkejja li l-bieb ta’ barra kien magħluq, ma setgħetx toħroġ mingħajr mal-imputat jinduna.

Bil-biża’ li kellha fuqha, qalet li lanqas għaddielha minn moħħha li taħrablu. Qalet li minħabba din is-sitwazzjoni tilfet ix-xogħol għax ma rrapportatx għax-xogħol għal tliet ijiem. Spjegat kif ġurnata minnhom il-Pulizja bagħtet għalih fuq rapport ieħor.

Mossa lill-Pulizija mara li ħaditha f’kamra u fetħet qalbha magħha

Qalet li talbitu tibqa’ tistennieh barra l-għassa iżda ma ħallihiex għax ħaseb li se titlaq għand ommha li toqgħod viċin. Kompliet tgħid li meta daħlet l-Għassa u rat lill-Ġulizija jkellmuh, irrealizzat li kellha opportunità tajba biex titkellem u għamlet mossa b’idha lil Pulizija mara u minn hemmhekk irrapportat dak li kien ġara.

Spjegat li ma setgħetx tagħmel rapport lill-Pulizija qabel marret mal-imputat fl-Għassa tal-Pulizija għaliex dakinhar li kien sawwatha kien ħadilha l-mobile phone li baqa’ għandu. Il-Qorti qalet li m’għandha l-ebda dubju li l-akkużat sawwatha għax ried u qalet li kienet konsistenti fix-xhieda tagħha.

Il-Maġistrat Montebello qalet li l-imputat ammetta li kien taha daqqa b’idu fuq għajnejha. Innotat li l-vittma kienet tibża’ minnu tant li baqgħet miegħu fil-kamra tliet ijiem sħaħ. Innotat kif huwa diġà nstab ħati li kkaġuna offiżi fuqha u ngħata sentenza ta’ ħabs sospiża.

Il-Qorti qalet li l-fatt li l-vittma kienet kostretta takkumpanjah ukoll sal-għassa tal-pulizija kontra r-rieda tagħha u minkejja li kienet l-għassa, l-iktar post sigur imdawra bil-pulizija, hija ħasset la ma setgħetx titkellem fil-preżenza tiegħu u kellha tagħmel sinjali b’idejha biex tiġbed l-attenzjoni tal-pulizija li riedet titkellem. Qalet li dan huwa evidenza li kienet sekwestrata minnu.

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza , il-Qorti qieset ix-xewqa tal-vittma li taħfirlu. Qalet li filwaqt li ma tqisx li għadha tagħti piena fil-minimu lanqas se tagħti piena massima. Hi sabitu ħati li kkaġunalha biża’, iffastidjaha, li żammha kontra r-rieda tagħha, weġġagħha ħafif u ħebb għaliha. Instab ħati wkoll li sar reċidiv fuq każ ta’ serq. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef.