Lokali

Abela jrid jimxi lil hinn mill-paroli… l-iżviluppaturi jafu li kollox business as usual – Flimkien għal Ambjent Aħjar

“Il-biża’ f’għajnejn ir-residenti eżempju tal-ħajja li jgħixu l-Maltin”

Il-biża’ f’wiċċ il-ġirien tar-residenza fejn seħħ l-inċident biswit sit ta’ kostruzzjoni fil-Furjana deher ċar kristall – eżempju ta’ kif ir-residenti Maltin qed jispiċċaw jgħixu… taħt il-biża’ li jweġġgħu, li jitilfu darhom.

Dan saħqitu l-NGO Flimkien għal Ambjent Aħjar hekk kif ġie spjegat li l-Maltin qed jiġu sfurzati jiżgombraw mir-residenzi tagħhom stess mingħajr ebda serentià sforz il-bini bla rażan li qed jinbena biswithom.

Flimkien għal Ambjent Aħjar ddeskrivaw l-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni bħala Awtorità għamja, u l-Awtorità tal-Ippjanar bħala pupazz ikkontrollata mill-politikanti fil-Gvern.

Huma saħqu li ċertament mhux biżżejjed li l-Ministru responsabbli… u l-Prim Ministru jgħidu diskors sabiħ għal widnejn waqt li l-iżviluppaturi konxji li kollox business as usual xorta waħda.

Huma saħqu li n-nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tista’ titqies bħala kriminali.

Dan filwaqt li insistew li s’issa ma nbidel assolutament xejn mill-imwiet ta’ Miriam Pace u Jean Paul Sofia. Flimkien għal Ambjent Aħjar ikkundannat għalkollox l-inċident li seħħ dalgħodu, inċident ieħor li jingħaqad mal-lista ta’ ħaddiema li weġġgħu f’sit ta’ kostruzzjoni – bl-unika bidla li wieħed jista’ jara hija biss f’min jilħaq fl-Awtoritajiet kompetenti u mhux fil-fatti u bl-azzjoni.