Internazzjonali

Ċina-Stati Uniti: Indirizzata l-għajnuna ta’ Beijing lir-Russi li qed taffettwa l-gwerra fl-Ukrajna

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, fl-aħħar jiem, esprima l-inkwiet – għan-nom ta’ pajjiżu — mal-President Ċiniż, Xi Jinping, rigward l-appoġġ li Beijing qiegħed jagħti lir-Russja.

Blinken, li għadu kemm ikkonkluda żjara ta’ tlett ijiem fiċ-Ċina, qal li hu tratta l-kwistjoni waqt taħditiet ‘wiċċ-imb-wiċċ u b’mod dirett’ mal-Mexxej Ċiniż. Hu, fl-istess ħin, enfasizza li l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet Russi żgur li għandha ‘taħbat ma’ aktar intoppi’ mingħajr l-għajnuna taċ-Ċina.

Min-naħa tiegħu, Xi Jinping, waqt iż-żjara ta’ Blinken, informa lis-Segretarju tal-Istat li ċ-Ċina u l-Istati Uniti ‘għandhom iħarsu lejn futur bħala sieħba u mhux bħala rivali ħorox f’numru ta’ oqsma u setturi’. Dan meta hu u Blinken kienu qed jiddiskutu varjetà ta’ issues fuq livell bilaterali u globali.

Madankollu, iċ-Ċina għad għandha r-riservi kbar rigward l-Istati Uniti bħala potenza ekonomika u fuq kollox militari.

Fil-fatt, u qabel il-kumment konċiljatorju ta’ Xi, il-Ministru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin, Wang Yi, wissa lil Blinken biex l-Istati Uniti ‘ma taqbiżx il-limiti stabbiliti miċ-Ċina’… Kliem li jista’ hu miftuh għal kwalukwe interpretazzjoni.

Wang Yi lanqas ma’ żamm lura milli jirreferi għall-‘fatturi negattivi’ fir-relazzjonijiet ta’ Beijing ma’ Washington avolja ammetta li dawn ir-relazzjonijiet qegħdin ‘jistabbilizzaw’ bil-mod il-mod.