Lokali

“Hemm membri tal-Kabinett li huma stess kienu jibagħtu lit-Tabib Grixti” – Roger Agius

“Kienu jibgħatuhom bil-business cards tas-Segretarjat biex ikun jaf li ġew mingħandhom”

“Hemm minnhom li vvotaw fil-Kabinett li kienu huma stess jibgħatu n-nies lil Dr. Grixti bil-kju, sikwit, jgħidulu biex jgħinhom għal fuq il-bordijiet kollha”.

Sostna dan fuq il-midja soċjali Roger Agius, l-eks xufier tad-Deputat Laburista u Segretarju Parlamentari Andy Ellul li jinsab akkużat, flimkien fost oħrajn mal-eks Deputat Laburista Silvio Grixti bl-involviment tiegħu fl-iskandlu ta’ frodi tal-benefiċċji soċjali.

Agius insista li ħa pjaċir bl-aħbar li l-membri tal-Kabinett ivvotaw favur amnestija fil-konfront dawk il-persuni li nqabdu jibbenefikaw minn eluf ta’ ewro b’mod illegali.

Roger Agius hawnhekk allega li hemm membri preżenti fil-Kabinett ta’ Robert Abela li kienu jgħaddu l-ismijiet lil Grixti; “Dott, għaddihulna lil dan għax dan jgħina fil-kampanja fil-flus, dan jgħina għal coffee mornings, dan il-mara tiegħu tagħmlilna hekk u hekk”.

Dawn l-allegazzjonijiet kollha jkomplu jixħtu aktar dell fuq it-tmexxija tal-Partit tal-Labour u l-kurituri ta’ Kastilja,

Agius allega wkoll li dawn il-Ministri,…li baqa’ ma kixifx isimhom, kienu jibgħatu n-nies għand l-eks Deputat Laburista Silvio Grixti saħansitra bil-business cards tas-Segretarjat sabiex juru li verament kienu ntbgħatu minn għandhom.

Huwa saħaq li hemm membri tal-Kabinett preżenti li huma kompliċi f’dan l-iskandlu li sewa flus il-poplu miljuni ta’ ewro.

Fl-aħħar jiem Roger Agius appella sabiex jieħu l-istatus ta’ whistleblower liema appelli ġew injorati għal kollox mill-Kummissajru tal-Pulizija Angelo Gafà, mill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg u l-Prim Ministru Robert Abela.

Huwa insista li lest li jikxef aktar nies, madanakollu ntqal lilu li dan kien kollu teatrin minn naħa tiegħu.