Lokali

Il-Gvern idur għall-membri tal-BCA

Il-membri kollha tal-bord tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni il-‘BCA’ intalbu jirriżenjaw.

It-talba ntbagħtet lill-membri tal-bord aktar kmieni din il-ġimgħa permezz ta’ email u anke saħansitra bil- posta. L-avviż ħareġ mingħand il-ministru responsabbli mir-regolatur tal-kostruzzjoni, Jonathan Attard.

Wieħed biss mill-membri attwali tal-bord tal-BCA – ir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni fuq il-bord tar-regolatur, David Bonello – ma ntbagħatx talba għal riżenja, tajjeb ngħidu wkoll li l-membri tal-Bord ma qalulhomx għaliex kienu qed jintalbu jirriżenjaw, bil-Prim Ministru Robert Abela jikkonferma li “kien hemm movimenti fil-kompożizzjoni tal-bord”

Sorsi qrib l-awtorità qalu li jissuspettaw li l-Gvern mhux kuntent bid-diżgwid fost il-membri tal-bord dwar deċiżjonijiet meħuda mill-BCA, u li l-biża hija li l-gvern li jagħmel bidla sħiħa u jerġa’ jikkomponi l-bord tal-BCA b’membri aktar lesti li jimxu mal-linja u dak li jgħid l-istess Gvern. Żiedu wkoll li wħud mill-membri attwali tal-bord tal-BCA x’aktarx li jerġgħu jinħatru meta jitwaqqaf bord ġdid.

Dawn l-iżviluppi ġodda ġew wara r-riżenja tal-Kap Eżekuttiv tal-awtorità Jesmond Muscat nhar it-Tlieta u inqas minn tliet ġimgħat wara li l-membru tal-bord Robert Ellul Sciberras irriżenja, għaliex sostna li l-burokrazija kienet qed tingħata prijorità fuq is-sigurtà.


Din is-saga kollha tiġi wkoll wara ġimgħa mtappna minn żewġ inċidenti separati f’siti ta’ kostruzzjoni li ħallew ħaddiem mejjet u tlieta oħra midruba .