Lokali

AĠĠORNATA: Tnejn feruti wara li sfronda saqaf ta’ binja biswit sit ta’ kostruzzjoni fil-Furjana

Żewġ ħaddiema Albaniżi spiċċaw feruti wara inċident li seħħ fi Triq Sir Luigi Preziosi, fil-Furjana.

Il-każ seħħ dalgħodu għall-ħabta tat-8:30am.

Sorsi qalulna li l-inċident seħħ meta kien qed jingħata xi konkos kmieni dalgħodu f’sit ta’ kostruzzjoni. Kaġun ta’ dan, sfronda saqaf ta’ binja li tinsab biswit dan is-sit. Net News jinsab infurmat li l-Albaniżi waqgħu tliet sulari.

S’issa l-kundizzjoni ta’ dawn il-ħaddiema għadha mhix magħrufa.

Fil-post waslu Pulizija, ambulanza kif ukoll membri tas-CPD.

Intant, diversi Furjaniżi li tkellmu ma’ dan is-sit qalulna li s-sidien tal-post fejn sfronda s-saqaf, telqu lejn Ħal Safi fl-aħħar jiem – propju għaliex beżgħu li se jaqa’ s-saqaf.

Dan il-każ seħħ f’anqas minn ġimgħa minn mindu seħħet it-traġedja ta’ Tas-Sliema; fejn hemm ukoll il-vittma kien Albaniż. Wara dik it-traġedja kien irriżenja l-Kap Eżekuttiv tal-BCA.

Ritratt: Francesco Catania