Lokali

“Insaħħu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti” – Bernard Grech

Kienet ġurnata oħra ta’ żjarat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, hekk kif il-Ġimgħa filgħodu, hu kompla bil-ħidma tiegħu fil-lokalitajiet; din id-darba f’ San Pawl il-Baħar.

Bernard Grech ltaqà ma’ residenti, sidien ta’ negozji, anzjani u anke familji li jgħixu f’din il-lokalita, li esprimew mieghu l-isfidi li qed jaffacjaw u d-diffikultajiet li qed iħabbtu wiċċhom magħhom minħabba l-għoli tal-ħajja. Dan apparti il-problema tan-nuqqas ta’ ndafa madwar iz-zona ta’ Buġibba u San Pawl il-Baħar.

F’kummenti li ta lil Net News, Bernard Grech sostna li l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem sabiex itejjeb u jsaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

Għal din iż-żjara, Bernard Grech kien akkumpanjat minn deputati tad-distrett, kandidati tal-PN għall-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, kif ukoll mill-kandidat għall-MEPs David Agius.