L‑Arċisqof Charles Scicluna dalgħodu ltaqa’ mal‑istudenti u l‑ħaddiema tal‑iskola tas‑Seminarju Minuri f’Tal‑Virtù u inawgura u bierek ix‑xogħol li sar fil‑grawnd tat‑turf ewlieni tal‑iskola. Mal‑wasla tiegħu l‑Arċisqof ingħata merħba mill‑istudenti tal‑primarja u sekondarja, li bħalissa jammontaw għal 800 student, u mill‑200 impjegat.
Wara l‑inawgurazzjoni tal‑grawnd, l‑Arċisqof iċċelebra quddiesa li għaliha kienu preżenti l‑istudenti, il‑ħaddiema u anke bosta ġenituri. Miegħu kkonċelebraw: Dun Jimmy Bonnici, ir‑Rettur tas‑Seminarju Maġġuri; Dun Mark Ellul, is‑Surmast tas‑Seminarju Minuri; Dun James Saydon, Direttur taċ‑Ċentru tal‑Vokazzjonijiet tas‑Seminarju, Dun Jean‑Claude Schembri, iċ‑Chaplain tal‑iskola; u diversi saċerdoti li jagħtu sehem fis‑Seminarju.
Fl‑omelija tiegħu, l‑Arċisqof stieden lill‑istudenti biex jirriflettu fuq jekk dak kollu li jixtiequ jagħmlu f’ħajjithom hux se jġibilhom ferħ u mħabba f’qalbhom. Hekk kif it‑tfal qed jaħsbu fuq xi jridu jsiru fis‑snin li ġejjin, l‑Arċisqof stedinhom biex ifittxu u jiskopru vokazzjoni li permezz tagħha jistgħu jagħtu ħajjithom lil ħaddieħor. “Kull vokazzjoni li Alla jsejjaħlek għaliha, hi x’inhi u skont id‑doni tiegħek, trid tkun vokazzjoni ta’ mħabba, sew jekk inti omm, missier, għalliem, saċerdot, pulizija, politiku jew ġurnalist. Dawn huma kollha vokazzjonijiet li jfissru relazzjoni ta’ mħabba u ta’ servizz,” qal l-Arċisqof.
Illum ukoll tmien studenti minn fost 55 nominat ingħataw rikonoxximent għall‑altruwiżmu ma’ studenti oħra kif ukoll għal turija ta’ tmexxija tajba bl‑eżempju tagħhom.
Iż-żjara tal‑lum mill‑Arċisqof Charles Scicluna għalqet il‑ġimgħa ta’ attivitajiet organizzata mill‑iskola tas‑Seminarju Minuri bil‑għan li jiġu ċċelebrati l‑valuri u l‑ħiliet tal‑istudenti ġewwa u barra l‑iskola. Dan sar fost l‑oħrajn permezz ta’ attivitajiet artistiċi, xjentifiċi, sportivi, lingwistiċi u kulinarji sabiex fl‑istudenti jikber iktar il‑ferħ tat‑tagħlim u jkollhom esperjenzi edukattivi dejjiema. Għal dawn l‑attivitajiet kienu mistiedna wkoll il‑ġenituri tat‑tfal sabiex isiru jafu aktar dwar l‑ambjent edukattiv tal‑iskola tas‑Seminarju.
//= $special ?>