Lokali Qorti

L-allegat ħalliel mill-Mużew Marittimu imur sena ħabs fuq serq ta’ flus minn stabbiliment fil-Belt

Ir-raġel li qed jiffaċċja akkużi dwar serq ta’ midalji tad-deheb mill-Mużew Marittimu x-xahar li għadda reġa’ spiċċa l-Qorti l-Ġimgħa, fejn wieġeb ħati li seraq kważi €1,000 minn stabbiliment fil-Belt Valletta. Justin Mallia ta’ 26 sena minn Bormla ammetta s-serq ta’ €960 minn kamra fejn kienu maħżuna flus fuq wara tal-Belt Valletta Food Market.

Is-serqa seħħet fl-14 ta’ Marzu, ftit jiem qabel insterqu l-midalji tad-deheb. Quddiem il-Maġistrat Victor Axiak, Mallia wieġeb ħati u offra li jħallas lura l-ammont li kien seraq. Huwa wieġeb ħati wkoll li sar riċediv. Il-Maġistrat tah żmien biex jerġa’ jaħsibha dwar l-ammissjoni tiegħu u ladarba huwa kkonferma, l-ħtija pie kundannat sena ħabs. Ordnalu wkoll iħallas lura l-ammont misruqa fi żmien sitt xhur wara li jinħeles mill-ħabs.

Il-Qorti semgħet kif Mallia ġie arrestat fil-ħabs wara li filmati tas-CCTV ikkonfermaw li kien seraq il-flus kontanti minn żewġ cashboxes fil-kamra ta’ wara tal-istabbiliment fil-Belt Valletta. L-Ispettur Gabriel Micallef qal lill-Qorti li Mallia mill-ewwel ammetta s-serqa mal-arrest tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni kienet immexxija ukoll l-Avukat Tilden Tabone, mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li l-avukat Martina Herrera dehret għar-raġel bħala għajnuna legali. Mallia bħalissa qed jinżamm taħt arrest preventiv fuq is-serq ta’ midalji tad-deheb mill-Mużew Marittimu fil-Birgu.

Hu allegatament kien ippreżenta ruħu bħala uffiċjal mid-dipartiment tal-edukazzjoni, fejn kien żar il-mużew biex iwassal id-dokumenti, meta allegatament seraq il-midalji tad-deheb biex iħallas id-djun. Huwa kien spiċċa arrestat qabel ma kellu ż-żmien ibigħ l-oġġetti li jiswew €400,000 iżda l-midalji tpoġġew ġo pouch u sussegwentement ġarrbu xi ħsarat. Il-provi fuq il-każ tas-serq tal-midlalji għadu għaddej.