Neil Camenzuli
Fadal biss l-aħħar żewġ partiti mill-Kampjonat BOV Premier għal din is-sena, l-aħħar żewġ logħbiet li se jkunu fundamentali fit-tfassil finali tal-klassifika, u ovvjament, min se jkun inkurunat champion ġimgħatejn oħra. Is-Sibt fit-3:00pm se tintlagħab il-partita li possibilment tista’ ttina r-risposta ta’ din il-mistoqsija, jew inkella tista’ żżomm il-bieb miftuħ għall-kwalunkwe’ possibiltà.
Ħa jkunu Ħamrun Spartans li jirbħu t-tieni kampjonat konsekuttiv, jew Floriana li jsiru l-iktar tim li rebaħ kampjonati fl-istorja?
Floriana v Ħamrun Spartans | Għada fit-3:00pm, fl-Istadium Nazzjonali
Il-partita li kienet fuq fomm kullħadd għal dawn l-aħħar ġimgħat, speċjalment wara t-telfa sorprendenti ta’ 1-0 li sofrew Floriana kontra Marsaxlokk il-ġimgħa li għaddiet biex tilfu l-ewwel post fil-klassifika. Il-gowl tar-rebħa għax-Xlukkajr wasal minn Sunday Akinbule li skorja d-disa’ gowl staġjonali. Wieħed forsi jista’ jgħid li kien l-iktar gowl importanti tal-istaġun, mhux biss għax possibilment seraq iċ-ċans tal-Furjaniżi milli jirbħu s-27 kampjonat tagħhom, iżda ukoll għax kompla jressaq lil Marsaxlokk viċin it-tielet post wara li Sliema fallew milli jirbħu kontra Naxxar Lions. Minn naħa l-oħra, tkompliet il-forma stupenda tal-Ispartans b’rebħa konvinċenti fuq Santa Lucia ta’ 4-1, b’din ir-rebħa tkun it-18-ir-rebħa staġjonali li titfahom fl-ewwel post b’vantaġġ ta’ punt biss fuq il-Furjaniżi. Rebħa llum għall-Ħamrun tfisser li huma matematikament champions għall-għaxar darba fl-istorja, u għat-tieni sena konsekuttiva, filwaqt li rebħa għal Floriana teħodhom mill-ġdid fl-ewwel post b’distakk ta’ żewġ punti, u kollox jibqa’ miftuħ sal-aħħar ġurnata tal-kampjonat.
Gudja United v Sliema Wanderers | Għada fis-2:00pm, fit-Tony Bezzina Stadium
Sliema Wanderers jirrikjedu li jirbħu kontra Gudja United biex jikkonfermaw posthom fit-tielet post għal dan l-istaġun. Rebħa għas-Slimiżi tikkonferma matematikament il-post tagħhom fil-klassifika u tieħu lit-tim neo-promoss fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-UEFA Europa Conference League, intant rebħa għal Sliema tagħmel tajjeb anka għal moral tat-tim hekk kif resqien viċin ukoll is-semifinali tal-Izibet FA Trophy, hekk kif is-Slimiżi ilhom bla rebħa għall-aħħar 4 logħbiet fil-kampjonat, bi draws kontra Naxxar, Balzan u Hibernians u telfa kontra Floriana. Minn naħa l-oħra Gudja United huma diġa relegati għaċ-Challenge League u qed jittamaw li jagħmlu sorpriża kontra Sliema u ma jispiċċawx l-istaġun bla rebħa.
Hibernians v Marsaxlokk | Għada fl-4:15pm, fit-Tony Bezzina Stadium
Żewġ timijiet li ftit li xejn għandhom x’jiggwadanjaw minn din il-partita, Marsaxlokk jokkupaw ir-raba’ post b’40 punt wara 24 logħba u diffiċli li jiksbu t-tielet post speċjalment jekk Sliema jegħlbu lil Gudja, b’Hibernians taħthom fil-ħames post b’34 punt. Telfa għal Hibernians illum tneħħi totalment il-possibiltà li t-tim minn Raħal Ġdid jispiċċa fit-tielet post, u taf tfisser ukoll li Birkirkara u Naxxar jaqbżuhom fil-klassifika. Marsaxlokk bħalissa b’moral għoli wara sensiela ta’ riżultati pożittivi, bl-iktar notevoli jkunu r-rebħiet fuq Ħamrun Spartans u Floriana. Minn naħa l-oħra Hibernians għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa ta’ April wara draws kontra Sliema u Valletta, u l-iktar riċenti telfa umiljanti ta’ 3-1 kontra Mosta.
Naxxar Lions v Valletta | Il-Ħadd, fis-2:00pm, fl-Istadium Nazzjonali
L-aħħar żewġ partiti għal Valletta huma żewġ finali importanti mmens, xejn inqas minn sitt punti biex Valletta forsi jkollhom iċ-ċans isalvaw u jevitaw relegazzjoni storika. Minn naħa l-oħra Naxxar Lions huma pratikament salvi, bit-tim neo-promoss jikseb riżultati sodisfaċenti matul l-istaġun, b-iktar partita riċenti tintemm fi draw kontra Sliema. Naxxar Lions rebħu l-aħħar konfront bejn iż-żewġ timijiet f’ Jannar bl-iskor ta’ 2-1, pero storja differenti ħafna għada hekk kif Valletta assolutament ma jistgħux ifallu. Il-Beltin ġejjien minnn żewġ partiti diffiċli, fejn irnexxielhom jirbħu l-ewwel logħba minn Jannar kontra Balzan, kif ukoll ġabru punt kontra Hibernians.
Balzan v Mosta | Il-Ħadd, fis-2:00pm, fit-Tony Bezzina Stadium
Tim ieħor li qiegħed jissielet kontra r-relegazzjoni, Mosta għandhom bżonn tlett punti bilfors biex ikomplu jitbiegħdu miż-żona tar-relegazzjoni, filwaqt li telfa għal Balzan titfa’ anka lilhom fi ftit riskju ta’ relegazzjoni hekk kif jinsabu biss tlett punti fuq Mosta fid-disa’ post. F’Jannar kienu Balzan li ħadu t-tlett punti meta għelbu lill-Mostin 2-0. Riżultat simili f’din il-partita mhux biss ikabbar il-problemi ta’ Mosta, imma minn naħa l-oħra jikkonferma post Balzan fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti għal sena oħra, u sintendi jiswa mitqlu deheb għal Valletta.
Birkirkara v Sirens | Il-Ħadd, fl-4:15pm, fl-Istadium Nazzjonali
Birkirkara se jaffrontaw lil Sirens li huma diġa relegati, madankollu għadhom ġejjien minn rebħa kontra Gudja United u jafu jwettqu sorpriża kontra l-Istripes. Birkirkara jinsabu f’pożizzjoni identika ta’ Hibernians fil-kampjonat, fis-sitt post b’34 punt. L-istripes għandhom bżonn jieħdu tlett punti jekk iridu jkomplu jissieltu għall-post fl-Ewropa, pero wieħed għandu ukoll jżomm f’moħħu li t-tim immexxi minn Joe Borg jista’ jikseb post għall-kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League mill-Izibet FA Trophy.
Santa Lucia v Gżira United | Il-Ħadd, fit-Tony Bezzina Stadium
Simili tal-partita bejn Valletta u Naxxar, Santa Lucia qed iffitxu li jinsew il-partita ħażina kontra Ħamrun Spartans u jwettqu sorpriża kontra Gżira United biex iżommu t-tammiet tas-salvazzjoni ħajja. Minn naħa l-oħra Gżira United qed jittamaw li jiksbu l-punti massimi mill-partiti li fadal biex ipenġu stampa aħjar u jitilgħu iktar postijiet fil-klassifika wara staġun mhux daqs tant pożittiv.
//= $special ?>