Lokali Qorti

Mhux ħatja li saqet b’mod traskurat u tajret anzjan li spiċċa b’feriti gravi

Dorothy Caruana ta’ 36 sena miż-Żurrieq, ma nstabitx ħatja li f’Lulju ta’ erba’ snin ilu kkuġanat feriti gravi fuq anzjan permezz ta’ sewqan traskurat f’inċident li seħħ fiż-Żurrieq stess. L-Anzjan li dak iż-żmien kellu 74 sena, għamel xi ħin fil-periklu tal-mewt wara li weġġa’ rasu.  

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, qalet li mill-provi jirriżulta li fi Triq San Pawl fejn seħħ l-inċident għall-ħabta tas-5.45pm, kien hemm bankina fejn kien miexi l-anzjan u l-mara tiegħu.

Minkejja li huma stqarrew li kienu mexjin fuq il-bankina u li nużlu minn fuqha biex jaqsmu, il-fatti ma kinux dawn. Il-Qorti qalet li mill-provi rriżulta li Caruana ma kenitx qed issuq b’veloċità effettiva, anzi taħt il-limitu rikjesta mil-liġi fit-triq ta’ fejn seħħ l-inċident. Irriżulta li l-mara kienet qed issuq b’veloċità ta’ 38.57 kilometru fis-siegħa.

Is-sewwieqa, qalet il-Qorti, għamlet il-kalkoli tajjeb li kienet se tgħaddi b’mod normali minn fejn kienet miexja l-koppja, meta f’daqqa waħda s-sewwieqa sabet ma’ wiċċha emerġenza li ma setgħetx tipprevediha.

Dan għaliex kien mistenni li qabel mal-anzjan jaqsam it-triq, kellu jieqaf it-triq u jħares jekk kienu ġejjin vetturi miż-żewġ naħat tat-triq, iktar u iktar meta huwa diġà kien fit-triq meta suppost ma kienx miexi hemm, għaliex kien hemm bankina.

Il-Qorti qalet li dan ifisser li l-anzjan kellu konsegwenzi gravi riżultanti minn dan l-inċident, u dan anke skont kif xehdu t-tobba, li wassal biex il-Qorti tasal għal konklużjoni li l-inċident seħħ tort tal-aġir tal-anzjan.

Il-Maġistrat Galea qalet li l-espert tekniku Dr. Mario Buttigieg, l-imputata ma kenitx qed issuq b’veloċità eċċessiva. Dan ifisser li għamlet il-kalkoli sew fis-sewqan tagħha, Il-Perit tekniku Mario Cassar ta sostenn lil verżjoni ta’ Caruana u dan għaliex mill-istess pjanti jirriżulta li l-karozza misjuqa mill-imputata, wara li bbrejkjat, waqfet iktar lura minn suppost fejn kienu qed taqsam il-koppja, li qalet li ma kenux weqfin bejn vann u karozza pparkjati u bdew il-proċedura biex jaqsmu t-triq, u hekk kif ħarsu lejn ix-xellug u l-lemin sar l-impatt.

L-imputata xehdet li dakinhar kienet sejra lura lejn id-dar. Qalet li fit-triq inkwistjoni ma kienx hemm sinjali ta’ parkeġġi fuq l-ebda naħa tat-triq, però kien hemm il-karozzi pparkjati fuq iż-żewġ naħat.

Caruana esebit ritratt li ttieħed ftit wara l-inċident u spjegat li hi kienet qed issuq fi-direzzjoni tat-trakk. Ftit qabel waslet ħdejn it-trakk, rat koppja miexja fit-triq fl-istess direzzjoni li kienet sejra hi, bil-mara fuq in-naħa ta’ ġewwa tat-triq u l-mara n-naħa ta’ barra.

Il-koppja baqgħu mexjin in-naħa ta’ barra tat-trakk meta f’daqqa waħda r-raġel ħasadha u ħareġ għal nofs it-triq, jiġifieri qabad u qasam.

Qalet li bbrejkjat mill-ewwel u kisret għal nofs it-triq biex tevitah, però sfortuntament laqtitu, l-ewwel bil-fanal, imbagħad dar u ħabat rasu mal-bonnet u waqa’ mal-art. Qalet li l-mara tal-vittma ma ndunatx mill-ewwel li żewġha kien intlaqat u marret tiġri ħdejh kif ratu mal-art.

L-Avukat Roberta Bonello Felice dehret għas-sewwieqa filwaqt li l-Ispettur Janetta Grixti mexxiet il-prosekuzzjoni.