Lokali

“Missieri beda jibża’ li jispiċċa bħal Miriam Pace”

Il-familja li tgħix fil-binja fil-Furjana fejn dalgħodu ċedew is-soqfa, kienet qed tibża’ li se tispiċċa bħal Miriam Pace.

Kien Net News illi dalgħodu żvela li l-anzjani li kienu jgħixu fil-post li jmiss mas-sit fejn għaddej il-bini, kienu telqu mid-dar tagħhom proprju minħabba dawn ix-xogħlijiet.

Aktar tard, mat-Times, it-tifla ta’ dawn l-anzjani stqarret li ommha u missierha kienu qed jibżgħu li jkunu vittmi bħal Miriam Pace u oħrajn – li kollha mietu mirdumin f’siti ta’ kostruzzjoni.

Ix-xogħlijiet fi Triq Sir Luigi Preziosi kienu qed isiru bil-permess tal-BCA. Il-familja iżda qed tgħid li kienu saru rapporti minħabba li l-ħaddiema kienu qed jitilgħu fuq il-bejt tagħhom – bit-tifla tal-anzjani tgħid li l-BCA ma ħadet ebda passi.

Intant, f’kummenti lill-midja, Isabelle Bonnici, omm Jean Paul Sofia ż-żagħżugħ li miet traġikament f’sit ta’ kostruzzjoni lura f’Diċembru tal-2022 saħqet li m’hemmx rieda politika sabiex jiġi indirizzat l-ammont inkwetanti ta’ inċidenti tal-kostruzzjoni u staqsiet liema awtoritajiet jew membri tal-Gvern se jerfgħu responsabbiltà għal dawn l-inċidenti tal-kostruzzjoni.

Intant, il-Minority Leader tal-Kunsill Lokali tal-Furjana, James Aaron Ellul sostna fuq il-midja soċjali li pajjiżna ma jistax jibqa’ b’nies jibżgħu jgħidu fi djarhom minħabba li ħaddieħor qed jaħdem ħdejhom.