Lokali

Moira Delia tikkritika l-iskema ‘Adopt A Pet’

Vouchers li jammontaw għal €70 mhux ser ikopru għall-ispejjez biex tadotta kelb jew qattus.

Dan kien is-sentiment espress mill-attivista Moira Delia, f’post fuq il-media soċjali.

Hi qanqlet tħassib dwar l-użu tal-inċentivi finanzjarji ġodda li qed jitqassmu, sabiex jinkoraġixxu l-adozzjoni tal-annimali domestiċi.

Din il-ġimgħa, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, ħabbret li se jitqassmu dawn il-vouchers sabiex madwar 90 kelb li ġew salvati mill-Animal Welfare, jiġu adottati.

Madankollu, Moira Delia sostniet li jekk €70 jinċentivaw lil nies biex jadottaw; allura huwa ċar li dawn l-istess nies ma jifilħux l-ispiża biex trabbi annimali domestiċi.

Moira Delia kkritikat din il-mossa politika u sostniet li l-voti għall-Partit Laburista m’għandhomx jintrebħu b’dan il-mod, iżda b’azzjonijiet li jagħmlu differenza.

Fl-aħħar jiem, anke l-PN permezz ta’ konferenza tal-aħbarijiet, kixef il-falliment tal-Gvern f’dan is-settur. Tant li l-isptar tal-annimali issa ilu tmien xhur sħaħ magħluq kompletament.