Il-Partit Nazzjonalista b’rikors biex ir-Reġistru Elettorali jiġi rivedut
Min ikollu l-jedd li jiġi reġistrat għall-vot għandu jiġi biss reġistrat fid-distrett u bl-indirizz li fih huwa soltu jgħammar.
Dan huwa dak li iswed fuq l-abjad tgħid il-liġi fl-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali, Kapitlu 354 paragrafu numru 22.
Iżda, b’mod mill-aktar surreali, fl-aħħar reġistru elettorali jidher li hemm 99 persuna rreġistrati fuq binja fis-Siġġiewi li s’issa ċertament mhux abitabbli bħal ma jixhdu filmati miġbuda minn Net News.
Għaldaqstant is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino, f’isem il-Partit Nazzjonalista – flimkien ukoll mal-President tal-Kunsillieri Nazzjonalisti u kunsillieri Nazzjonalisti tas-Siġġiewi fetħu rikors il-Qorti bil-għan li r-Reġistru Elettorali għall-Elezzjonijiet Ġenerali kif ukoll għall-Kunsilli Lokali u tal-Unjoni Ewropea jiġi rivedut minnufih.
Dan hekk kif jidher li dawn id-99 persuna msemmija kellhom l-indirizz fuq in-numru tal-karta tal-identità maqlubin f’salt wieħed f’din il-binja tal-Gvern li s’issa għadha mhux abitabbli.
Mistoqsi mill-ġurnalisti s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista nnota fatt interessanti li żewġ terzi minn dawn id-99 persuna lkoll ġejjin mis-6 distrett – li kumbinazzjoni huwa wkoll l-istess distrett li fuqu jkun kandidat il-Ministru tal-Housing Soċjali…Roderick Galdes.
Għaldaqstant f’rikors iffirmat mill-Avukati Karol Aquilina u Joseph Grech, kien mitlub li dan ir-rikors jiġi deċiż sa mhux aktar tard minn erbatax-il jum qabel il-ġurnata tal-votazzjoni ċioe nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Mejju.
Michael Piccinino insista li l-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjonijiet li ġejjin saħansitra marru jżuru l-post bil-għan li jagħmlu l-house-visits sinonimi ma’ dawn iż-żminijiet, madanakollu ovvjament ma sabu lil ħadd għaliex il-post mhux abitabbli.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista preċiża jgħid li, anke kif tgħid il-liġi, dawn il-persuni mhux se jkun qed jitneħħilhom il-permess fejn jivvotaw madanakollu insista li quddiem dan kollu ma jistax ma jkunx hemm suspetti ta’ imġieba qarrieqa.
//= $special ?>