Sport

Rebbieħa tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Marzu 2024

Neil Incorvaja, plejer tat-Table Tennis, u t-Tim Nazzjonali tal-Water Polo tal-irġiel ta’ taħt id-19-il sena huma r-rebbieħa tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Marzu 2024.

Neil Incorvaja, li għandu 14-il sena, rebaħ il-kampjonat individwali fil-kategorija ta’ taħt il-15-il sena, il-kategorija tad-doubles tal-istess età flimkien ma’ Matthew Zammit u l-kategorija tad-doubles ta’ taħt id-19-il sena flimkien ma’ Anthea Cutajar. Il-Junior National Championships saru bejn it-18 u l-25 ta’ Marzu fil-Padiljun tal-Isport tal-Università.

It-Tim Nazzjonali tal-Water Polo tal-Irġiel ta’ taħt id-19-il sena kiseb l-ewwel post fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew li se jsir f’Burgas, il-Bulgarija, f’Settembru li ġej.  Iż-żgħażagħ Maltin rebħu l-logħbiet kollha meta għelbu lis-Slovakkja 15-7, lill-Polonja 11-4 u lill-Bulgarija 16-10.

Il-preżentazzjoni tal-unuri tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Marzu ġew ippreżentati lil Neil Incorvaja u lit-Tim Nazzjonali tal-Water Polo ta’ taħt id-19-il sena minn Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-Amministratur Stephen Azzopardi.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance.