Internazzjonali

Stati Uniti: Jiżdiedu l-protesti tal-istudenti kontra Iżrael u l-gwerra ta’ Gaza

Il-gwerra fil-Medda ta’ Gaza li ilha għaddejja għal aktar minn seba’ xhur qed tikber bħala ‘kaġun għal protesta’ fost l-istudenti universitarji u oħrajn li jattendu l-kulleġġi madwar l-Istati Uniti.

U waqt li qed tidwi l-għajta ‘Le għall-Gwerra’ minn kampus għall-ieħor, l-osservaturi qablu li l-aħħar darba li kien hemm għadab hekk kbir fl-universitajiet tal-Amerikani kien waqt l-era tal-Gwerra tal-Vjetnam li damet għal 20 sena, mill-1955 u l-1975.

Fl-aħħar sigħat, l-Università ta’ Southern California, ibbażata f’Los Angeles u li hi fost l-ogħla istituzzjonijiet tat-tagħlim fl-Istat ta’ Kalifornja, kellha tħassar ċerimonja għall-gradwazzjoni fost id-dimostrazzjonijiet rabbjużi relatati mal-konflitt ta’ Gaza. Id-deċiżjoni  ttieħdet bħala miżura ta’ sigurtà minħabba li s-sitwazzjoni setgħet tispiċċa inkontrollabbli minn ħin għall-ieħor.

Id-dimostrazzjonijiet fuq il-kampus tal-universitajiet madwar l-Istati Uniti ilhom il-jiem iżidu fl-intensità u meta mijiet ta’ nies, fil-parti kbira nett studenti, inżammu taħt arrest għal aġir vjolenti u ksur ieħor tal-bwon ordni.

L-istudenti anki okkupaw diversi zoni fis-sezzjonijiet tal-universitajiet li qed isejħulhom ‘encampments’ ta’protesta favur il-Palestinjani ta’ Gaza u kontra Iżrael li l-istudenti qed jixluh bħala ‘l-oppressur’. Dan ukoll meta l-awtoritajiet tal-universitajiet talbu l-intervent tal-pulizija għal kontra l-irvellijiet biexjirristawraw il-kalma fuq il-kampus.

Fl-istess ħin qed isiru wkoll in-negozjati bejn il-kelliema għall-istudenti u l-awtoritajiet – b’mod partikulari fl-Università ta’ Columbia, fil-belt ta’ New York. Madankollu spikkaw ukoll sitwazzjonijiet ta’ intransiġenza assoluta – b’mod partikulari  fl-Università ta’ Emory, fl-Istat ta’ Atlanta,  fejn għexieren ta’ studenti  inżammu taħt arrest wara li insistew li jibqgħu jokkupaw iz-zona tagħhom fuq il-kampus.

Il-mewġa tal-‘protesti fuq il-kampus’ bdiet wara li l-uffiċjali fl-Università ta’ Columbia kuntattjaw lill-pulizija biex jiżgumbraw grupp ta’ aktar minn 100 dimostrant li kienu qed joħolqu tensjoni fuq il-kampus – bit-tensjoni tiċċirkula minn università għall-oħra fi kwistjoni ta’ ftit ġranet.

Dawn id-dimostranti u eluf ta’ studenti attivisti oħrajn madwar l-Istati Uniti  qed isejħu biex l-universitajiet ‘jiddikjaraw ruħhom kontra l-ġenoċidju tal-Palestinjani’ u biex ma jinvestux l-assi tagħhom fil-kumpanniji relatati mal-produzzjoni tal-armamenti jew industriji oħrajn li qed jappoġġjaw il-gwerra tal-Iżraeljani f’Gaza.