Futbol Sport

FILMAT | 90 minuta li jistgħu rrebħu Kampjonat jew jipposponu kollox għall-ġimgħa d-dieħla

Id-dwell tal-istaġun mill-Kampjonat Premier f’Malta, dak bejn Floriana u Ħamrun Spartans, hu inqas minn 24 siegħa ‘l bogħod. Iż-żewġ timijiet li tul dan il-Kampjonat kienu l-aktar konsistenti u l-aqwa minn fost l-14-il tim, se jkunu qed jaffrontaw lil xulxin illum is-Sibt, fil-match day ta’ qabel tal-aħħar għat-tmiem tal-Kampjonat.

Wara r-riżultati li kelna fl-aħħar ġurnata minn dan il-Kampjonat, iċ-champions Ħamrun Spartans issa jinsabu mill-ġdid fl-ewwel post tal-klassifika, b’punti wieħed biss vantaġġ fuq Floriana. Dawn tal-aħħar taħt it-tmexxija tal-eks internazzjonali Taljan, u rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja bħala plejer, mal-Italja fl-2006 Mauro Camoranesi, tilfu 1-0 kontra Marsaxlokk.

Ironikament, kienu l-istess Xlukkajri li aktar minn xahar ilu, telfu lil Ħamrun Spartans milli jżommu posthom fil-quċċata tal-klassifika, meta fil-bidu ta’ Marzu huma kien għelbu lil Ħamrun Spartans 2-1. Dak in-nhar, Floriana kien approfittaw miż-żelqa tal-Ispartans, biex b’rebħa ta’ 2-0 kontra Sliema Wanderers kienu telgħu l-ewwel fil-klassifika, b’żewġ punti vantaġġ fuq l-iskwadra mmexxija minn kowċ ieħor Taljan, Luciano Zauri.

B’żewġ partiti għal kull tim, mit-tmiem tal-Kampjonat, il-konfront tal-llum is-Sibt, fit-3pm fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’Qali, bejn Floriana u Ħamrun Spartans, għandu jitqis bħala deċiżiv u li llejla jista’ jwassal għar-rebħ matematiku tal-Kampjonat Premier f’każ li l-Ħamruniżi jirbħu. Minn naħa l-oħra, f’każ ta’ rebħa għal Floriana, dawn ikunu għadhom ma aċċertawx mir-rebħ tat-titlu, peress li qabel l-aħħar logħba tal-Kampjonat Premier, ikun għad għandhom żewġ punti vantaġġ fuq l-avversasrji diretti tagħhom Ħamrun Spartans.

Riżultat ta’ draw fil-logħba tal-llum, iħalli kollox miftuħ għal kull tip ta’ eventwalitá, qabel l-aħħar ġurnata ta’ partiti minn dan il-Kampjonat.

Kif mistenni, din kienet ġimgħa attiva ħafna għal dawn iż-żewġ timijiet rispettivi, u l-cameras ta’ Net Sports żaru liż-żewġ timijiet waqt waħda mill-aħħar sessjonijiet ta’ taħriġ u tkellimna mal-kowċis u plejers rispettivi.

L-eks captain ta’ Lazio fl-Italja, Zauri jista’ jirbaħ l-ewwel Kampjonat domestiku tal-karriera tiegħu, kemm bħala plejer kif ukoll bħala kowċ, kemm il-darba llejla jew il-ġimgħa d-dieħa, iwassal lil Ħamrun Spartans għar-rebħ tal-10 titlu ta’ champions ta’ Malta. Minkejja li bħala plejer, Zauri kellu karriera sabiħa fejn lagħab ma’ diversi klabbs kbar fl-Italja, b’aktar minn 300 partita fis-Serie A u saħansitra lagħab mat-tim nazzjonali Taljan f’ħames partiti differenti, l-eks difensur ta’ fuq il-lemin, qatt ma kellu x-xorti li jirbaħ Kampjonat domestiku.

Luciano Zauri flimkien mal-plejers ta' Ħamrun Spartans fid-dressing room qabel waħda mill-partiti tat-tim tiegħu dan l-istaġun.
F’34 partita ta’ Luciano Zauri bħala kowċ ta’ Ħamrun Spartans, dan l-istaġun iċ-champions tal-istaġun li għadda tilfu f’seba’ partiti.

F’dan is-servizz li nħadem għal Replay, Christian Micallef tkellem ma’ Zauri kif ukoll mal-aqwa skorer tal-Kampjonat Premier s’issa, Luke Montebello dwar il-preparazzjoni ta’ Ħamrun Spartans għall-partita tal-llum kontra Floriana.

Luciano Zauri u Luke Montebello jitkelmu ma’ Replay qabel il-partita importanti li Ħamrun Spartans imisshom kontra Floriana.

Fil-grawnd ta’ Birżebbuġa, it-tim bl-aqwa difiża s’issa matul l-istaġun kollu, Floriana qed jagħżlu li jżommu l-pożittivitá tibqa’ tirrenja fl-iskwadra, anke jekk fit-tmiem il-ġimgħa li għaddiet, huma kellhom diżappunt mhux mixtieq, b’telfa ta’ 1-0 kontra Marsaxlokk. Minkejja li Floriana kellhom wirja tajba, huma ħarġu telliefa b’gowl li kien skorjat tmien minuti mit-tmiem, u li biddel kollox fil-klassifika lejn in-naħa ta’ fuq, b’Floriana jerġgħu jinżlu t-tieni wara Ħamrun Spartans.

Fl-ewwel staġun tiegħu f’Malta bħala kowċ, Mauro Camoranesi mexxa lil Floriana f’27 partita differenti u li minnhom rebaħ 21 darba.

Dwar kif dan ir-riżultat affetwa lill-plejers tiegħu, Replay tkellem mal-kowċ Camoranesi kif ukoll mal-plejer internazzjonali Malti, fl-ewwel sena tiegħu ma’ Floriana, Dunstan Vella.

Mauro Camoranesi jgħid li t-telfa ta’ kontra Marsaxlokk ma tbiddel xejn fil-mira ta’ Floriana biex jirbħu l-Kampjonat Premier