Futbol Sport

Ħamrun Spartans champions għat-tieni sena konsekuttiva b’rebħa kbira fuq Floriana

(Ritratt: Joseph Galea)

Neil Camenzuli

FLORIANA…………………………………..0

ĦAMRUN …………………………………..5

Floriana: N.Andrijanic, O.El Hasni, K.Reid, D.Vella (J.Grech 59’), O.Spiteri (M.Nogureira 33’), N.Garcia, C.Zammit Lonardelli, M.Valadzko, C.Yameogo, C.Rovas (M.Veselji 58′), L.Furtado

Ħamrun: F.Marchetti, S.Borg, L.Montebello, J.Mbong, R.Prsa (C.Rutjens 86′), E.Freitas (N.Krstic 75′), E.Bruno (S.Agius 90′), S.Paintsil (O.Bjelicic 75′)), E.Marcellina, R.Camenzuli, J.Robert

Imwissija: M.Garcia 5’, M.Valadzko 30’, K.Reid 40’, O.El Hasni 42’

Skorjaw: S.Paintsil 9’, 18’, 41’, 70, E.Freitas 45’, (Ħ)

Referee: Slobodan Petrovic

Assistenti Referees: Roberto Vella u James Muscat

BOV Plejer tal-Logħba: Seth Paintsill (Ħamrun Spartans)

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Seth Paintsill (Ħamrun Spartans)

Ħamrun Spartans rebħu t-tieni kampjonat konsekuttiv u l-10 titlu fl-istorja meta għelbu għal kollox lil Floriana 5-0. Il-Greens okkupaw l-ewwel post għal numru ta’ ġimgħat, madankollu fl-aħħar ġimgħat il-forma impekkabli ta’ Ħamrun u ż-żelqa ta’ Floriana jfisser li Ħamrun huma matematikament champions. it-tieni titlu għal Luciano Zauri fit-tmexxija tiegħu ta’ Ħamrun wara r-rebħa tas-Super Cup f’Diċembru. L-iskor finali jkun 5-0.

Il-Ħamruniżi ħasdu lill-avversarji mal-ewwel 9 minuti logħob meta ma damux ma fetħu l-iskor u tefgħu lil ħafna partitarji Ħamruniżi f’dellirju ta’ ferħ bid-daqqa taras ta’ SETH PAINTSIL, minn kross mill-isbaħ mix-xellug ta’ Camenzuli.

Ħamrun perikolużi ftit minuti wara minn kontrattakk veloċi ta’ Jonny li lagħab f’saqajn Paintsil, bl-attakkant jixxutja ċentrali u jimpenja lil Andriljanic li jevita tajjeb.

Floriana rrispondew fit-18-il minuta meta d-difensur Owen Spiteri ttanta xortih minn barra l-kaxxa, pero x-xutt kien faċli wisq għall-goalkeeper Marchetti.

Kompliet l-isfortuna tal-Greens meta minuta wara Ħamrun reġgħu sabu x-xibka, kontrattakk tal-aqwa skorer Montebello li pprova jsib ix-xibka minn pożizzjoni skomda mix-xellug, bil-ballun jaqa’ f’saqajn SETH PAINTSIL li sab ix-xibka għat-tieni darba.

Ħamrun għamlu l-iskor 3-0 fil-41 minuta meta SETH PAINTIL skorja l-hattrick personali mis-suġġeriment baxx ta’ Jonny mil-lemin. Kollox beda mill-pass deċiziv ta’ Freitas minn nofs il-grawnd.

Floriana b’ċans li jiskorjaw gowl lura meta minn kross mix-xellug, Matheus Nogureira ma rnexxielux jiskorja mill-viċin bil-goalkeeper esperjenzat Marchetti jintervjeni tajjeb.

Ħamrun komplew ikabbru l-iskor fl-aħħar sekondi meta ELIONAY FREITAS xeħet ġewwa mill-viċin wara li l-ballun waqa’ f’saqajħ mill-ewwel tentattiv ta’ Mbong minn barra l-kaxxa.

Fit-tieni taqsima Ħamrun komplew id-dominanza tagħhom, fil-55 minuta Seth Paintsil ikun perikoluż minn kontrattakk veloċi li jispiċċa f’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa u save tajjeb ta’ Andrijanic.

Ħamrun reġgħu fuq l-attakk fis-66 minuta meta Jonny Robert ipprova jsib ix-xibka minn tarf il-kaxxa b’xutt baxx, bil-ballun jgħaddi barra.

Floriana komplew isoffru meta fil-71 minuta, SETH PAINTSIL kompla l-partita impekkabli tiegħu meta sab ix-xibka għar-raba’ gowl personali.

Il-partita spiċċat 5-0, bil-Ħamruniżi jirbħu l-10 titlu fl-istorja.

Il-partitarji ta’ Ħamrun jiċċelebraw ir-rebħa tant importanti (Ritratt: Joseph Galea)