Lokali

Ċamata oħra lill-Gvern: Ma jistax jagħlaq għajnejh għall-iskandli

Jeħtieġ governanza tajba, u qed ninsistu li pajjiżna jeħtieġ li jkollu Gvern li ma jibqax iparla biss imma Gvern li jimxi għall-fatti kontabli. Jeħtieġ ukoll li l-Gvern ikun trasparenti u jmexxi lil pajjiżna b’integrità u amministazzjoni xierqa.

Hekk saħqet il-Kamra tal-Kummerċ fi stqarrija fejn spjegaw li fl-aħħar xhur pajjiżna kellu jiffaċċja diversi nuqqasijiet fosthom l-iskadlu tal-benefiċċji soċjali li qed jinstema bħalissa fil-Qorti. Skandlu li jqajjem diversi mistoqsijiet dwar l-intergrità ta’ kulħadd inkluż il-Ministeru kkonċernat.

Il-fatt li dawn il-pagamenti frawdalenti damu għaddejjin għal dan il-perjodu kollu huwa nkwetanti kompliet tgħid il-Kamra tal-Kummerċ, anka ħabba l-fatt li ħadd ma prova jagħmel xejn biex din l-attività frawdalenti tieqaf la min-naħa ta’ awditjar u lanqas mill-ministeru tqajjem mistoqsijiet kbar ta’ kontabilta’.

Il-Kamra tal-Kummerċ kompliet tgħid li l-Gvern jinsab wisq iffukat biex inadaf ir-rekords kriminali ta’ dawk kollha li huma involuti f’xi reat frwadalenti, diment li dan ma jsarrafx f’nuqqas ta’ impjiegi. Fl-istqarrija l-Kamra tal-Kummerċ kompliet tgħid li s-Settur Pubbliku huwa l-akbar impjegat u għalhekk irridu noqgħodu attenti biex din l-urġenza biex jitnaddaf l-isem ta’ dawk involuti fl-iskandlu tal-benefiċċi soċjali mhux qed issir biex dawn jispiċċaw jiddependu fuq impjieg mal-Gvern.

Ħaġa oħra li hija ta’ tħassib, żiedet tgħid il-Kamra tal-Kummerċ hija kemm impjiegi f’pożizzjonijiet għoljien f’aġenziji differenti tal-Gvern qed jinbidlu spiss, hekk kif dawn il-persuni f’pożizzjonijiet għoljin qed jirriżenjaw wara ftit xhur. U dan qed iwwassal għal indħil politiku ikbar kif ukoll qed ikun ta’ detriment għal dawk li jixtiequ japplikaw għal dawn l-impjiegi. Dan qed joħroġ ċar f’setturi li għandhom x’jaqsmu mal-benefiċċji soċjali, il-liċenzji u tal-konstruzzjoni fost oħrajn.

Il-Kamra tal-Kummerċ kkonkludiet tgħid li l-maħfra presidenzjali li qed tingħata lil dawk li rċivew il-benefiċċji soċjali b’mod frawdalenti qed tkompli issaħaħ is-sens ta’ impunita f’pajjiżna. Għalhekk jeħtieġ li l-Gvern ikun fuq in-naħa tas-sewwa u jagħti mesaġġ ċar li mhux se jkun qed jiprroteġi lil dawk li wettqu xi forma ta’ abbuż.