Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista bis-soluzzjonijiet għall-ġid tan-nies”

Il-Kap tal-PN Bernard Grech kompla jisma’ t-tħassib tar-residenti, sidien ta’ negozji, familji u anzjani, dwar diversi sfidi li qed jaffaċċja il-poplu Malti u Għawdxi kollu, inkluż is-Safin, fosthom il-pjaga tal-għoli tal-ħajja, it-traffiku li qed joħnoq pajjiż u n-nuqqas ta’ pulmun aħdar.

Din kienet ġurnata oħra ta’ żjarat qalb in-nies hekk kif il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kompla bil-ħidma tiegħu fil-lokalitajiet.  

Ma’ Bernard Grech, bosta Safin tkellmu dwar id-diffukltajiet tagħhom fejn tidħol il-ħajja ta’ kuljum, fejn sostnew li bħal issa s-sitwazzjoni mhix waħda feliċi. Oħrajn qalu li f’dawn l-aħħar snin il-kwalità tal-ħajja tagħhom marret lura.

Minn naħa tagħhom, is-sidien tal-ħwienet qalu li fl-aħħar xhur … il-prezzijiet sparaw ‘il fuq, minħabba li l-istess prodotti li sa ftit żmien qabel kienu jiġu importati b’inqas flus .. issa żdiedu b’mod sostanzjali. Kien hawn illi Bernard Grech fakkar fil-proposta tal-PN, li tingħata għajnuna lill-importaturi – proposta li l-Gvern baqa’ jinjora sal-lum.

Ir-residenti ta’ Ħal Safi tkellmu wkoll dwar il-problema tat-traffiku; li qed titfa’ piż kbir fuq is-saħħa mentali tal-poplu, u n-nuqqas ta’ spazji miftuħa li għandna f’pajjiżna… fejn aktar kemm jgħaddi żmien, l-ispazji li għandna dejjem qegħdin jispiċċaw jonqsu … bil-familji Maltin u Għawdxin u saħħansitra zgħażagħ irridu jitilqu barra minn xtutna.

Għal din iż-żjara, Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione, mis-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, mid-deputati tal-PN, mill-kandidati għall-MEPs kif ukoll il-kandidati tal-PN għall-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi.