Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna vendikazzjoni politika oħra

Il-Partit Nazzjonalista jikkundana l-vendikazzjoni politika li qed tkompli titwettaq fil-konfront ta’ Norman Vella.

Hekk saħaq Ivan Castillo x-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja, waqt li kompla jgħid li l-Erbgħa li għadda, il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi kienet lesta biex tagħti s-sentenza finali fil-każ li Norman Vella beda kontra l-Prim Ministru u s-Segretarju Permanenti Ewlieni 11-il sena ilu, ftit wara l-elezzjoni tal-2013. Iżda fl-aħħar sekonda, l-Avukat Pawlu Lia, li fil-kawża qed jirrappreżenta lill-Prim Ministru, oġġezzjona għall-fatt li membru tal-Kummissjoni ma kienx preżenti fiżikament għall-għoti tas-sentenza. Dan minkejja li fil-ġimgħat preċedenti, f’żewġ okkażjonijiet separati, l-Avukat Lia ddikjara li ma jsib ebda oġġezzjoni li s-sentenza tingħata mingħajr ma dan il-membru tal-Kummissjoni jkun preżenti fl-awla.

Il-Partit Nazzjonalista jqis dan il-u-turn bħala vendikazzjoni politika oħra li, bl-aktar mod viljakk u quddiem għajnejn kulħadd, twettqet fil-konfront ta’ Norman Vella. Dan filwaqt li jfakkar li Vella kellu jiġi mil-Lussemburgu, fejn jgħix u jaħdem, biex jattendi għal din is-seduta.

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna bla riżervi din il-vendikazzjoni politika u jesprimi solidarjetà sħiħa ma’ Norman Vella u l-familja tiegħu, li ilhom 11-il sena jiġġieldu biex jiksbu ġustizzja f’dan il-każ.

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna wkoll il-mod li bih il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi ġiet ingannata, filwaqt li jqis din l-imġieba bħala disprezz lejn din l-istituzzjoni, li hi mwaqqfa mill-Kostituzzjoni biex tipproteġi lill-ħaddiema minn kull diskriminazzjoni politika.

Din il-vendikazzjoni politika mwettqa fil-konfront ta’ Norman Vella turi biċ-ċar li dwar il-ġustizzja, dwar l-istituzzjonijiet tal-pajjiż u dwar id-drittijiet tal-ħaddiema, il-Gvern ta’ Robert Abela jgħid mod u jaġixxi mod ieħor:

– Robert Abela jgħid li jrid li l-proċess ġudizzjarju jieħu anqas fit-tul, iżda mbagħad l-Avukat tiegħu jġiegħel lill-Qorti ttawwal il-konklużjoni ta’ każ li ilu għaddej 11-il sena.

– Robert Abela jgħid li jirrispetta lill-istituzzjonijiet tal-pajjiż, iżda mbagħad l-Avukat tiegħu juża’ istituzzjoni kostituzzjonali bħalma hi l-Kummissjoni dwar l-Impjiegi biex jipperpetwa vendikazzjoni politika.

– Robert Abela jgħid li qalbu tħabbat għall-ħaddiema, iżda mbagħad l-Avukat tiegħu jġib ħaddiem minn barra minn Malta biex jagħmillu vendikazzjoni oħra.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jappella lil Robert Abela biex dak li jgħid u jippriedka, jibda jagħmlu u jgħixu minnufih.

L-ewwel u qabel kollox, Robert Abela għandu jiskuża ruħu mal-Kummissjoni dwar l-Impjiegi u ma’ Norman Vella għal dak li għamel l-Avukat Pawlu Lia f’ismu. Barra minhekk, Robert Abela għandu, immedjatament, jagħti assigurazzjoni bil-miktub lill-Kummissjoni dwar l-Impjiegi li la hu u lanqas l-Avukat tiegħu mhu se jerġgħu jingannawha u li se jkunu qed jikkollaboraw magħha biex din is-sentenza tinqara fis-seduta li jmiss, jiġifieri fil-15 ta’ Mejju li ġej.