Nhar it-Tnejn li ġej jagħlqu n-nomini għal dawk li jirdu jikkontestaw bħala kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali – nomini li qed jintlaqgħu onlajn jew fl-uffiċini tal-Kummissjoni.
Il-kandidati li jmorru japplikaw fiżikament fl-uffiċini tagħha fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar jew ir-Rabat Għawdex, iridu jippreżentaw il-karta tal-identità … u l-parti ta’ fuq tal-formola tan-nomina.
Il-Kummissjoni Elettorali fi stqarrija ħabbret ukoll li l-Pulizija bdew iqassmu d-dokumenti tal-vot mis-Sibt filghodu.
It-tqassim ser isir kuljum bejn it-8.00 a.m. u s-1.00 p.m. u bejn it-3.00 p.m. u d-9.00 p.m., sa nhar il-Ġimgħa l-10, jew is-Sibt, il-11 ta’ Mejju skont id-distretti elettorali.
Biex jingħataw id-dokumenti ….fid-dar irid ikun hemm xi persuna responsabbli u li ma tkunx taħt is-16-il sena biex tirċievi u tiffirma għad-dokumenti għall-votazzjoni; dokumenti li din id-darba qed jitqassmu mill-Pulizija bl-użu ta’ app fuq telefown cellulari.
Intant….il-kumpanija KM Malta Airlines ħabbret titjiriet u rati speċjali għall-votanti li jridu jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-MEPs u tal-kunsilli lokali fit-8 ta’ Ġunju.
Il-votanti eliġibbli jistgħu jibbenefikaw minn prezz speċjali ta’ €90 bir-ritorn. Din l-offerta hija disponibbli għall-ivvjaġġar bejn is-27 ta’ Mejju u l-14 ta’ Ġunju, bl-ewwel data tar-ritorn barra minn Malta tkun l-1 ta’ Ġunju u d-data finali tal-ivvjaġġar lejn Malta tkun it-8 ta’ Ġunju. Tfal taħt is-sentejn jistgħu jivvjaġġaw bi ħlas ta’ €9.
//= $special ?>