Robert Abela u l-Ministru tiegħu jibqgħu jaħarbu r-responsabbiltà tagħhom waqt li jkomplu jwaħħlu f’kollox u f’kulħadd ħlief fihom infushom.
F’ġimgħa fejn rajna aktar traġedji fis-settur tal-kostruzzjoni, ilbieraħ ħarġet l-istorja li l-Ministru, minflok refa’ r-responsabbiltà, neħħa lill-membri tal-Bord tal-BCA.
Għal darb’oħra qed naraw il-Gvern ta’ Robert Abela jwaħħal kollox fin-nies li appunta hu stess mingħajr ma tittieħed l-ebda responsabbiltà politika għal dak li ġara.
Sadanittant, il-Ministru responsabli mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol iħalli lill-istess Awtorità titmexxa minn CEO part-time u minn Principal Officer mhux intiż fis-settur.
Min hu responsabli politikament għat-traġedji li qed jiġru bla ma jagħmel xejn biex isiru r-riformi ma jistax ikun hu stess li jwettaq ir-riformi fis-settur tal-kostruzzjoni.
Jidher ċar li Robert Abela u l-Gvern Laburista ma tgħallmu xejn mill-Inkjesta Pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia. Minflok ma jerfgħu r-responsabbiltà għan-nuqqas ta’ riformi li kellhom jimplimentaw huma, qed jibqgħu jilgħabu musical chairs min-nies li ħatru huma stess.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li, kif jista’ jagħmel skont l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, Robert Abela jordna li l-kariga ta’ Chairman tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni tiżdied mal-lista ta’ karigi li jridu jitressqu għall-iskrutinju mill-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi.
Din hi l-iżgħar ħaġa li Robert Abela jista’ jagħmel biex jagħti lura lis-settur tal-kostruzzjoni l-istabbiltà u l-konsistenza li ntilfet fl-aħħar 11-il sena.
Għal darb’oħra, il-Partit Nazzjonalista jtenni wkoll li l-Gvern jibda jimplimenta immedjatament ir-riformi tar-Rapport tal-Inkjeta Pubblika mingħajr burokrazija żejda u li l-Gvern jippreżenta r-rapporti fil-Parlament kull xahar dwar fejn tkun waslet din l-implimentazzjoni.
Stanley Zammit
Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet
//= $special ?>