Lokali

Open weekend tal-Parrocca tal-Birgu bejn is-26 u 28 ta’ April

Meta jissemma l-Birgu, f’moħħ ħafna jgħaddi l-ħsieb dwar l-irwol importanti li din il-belt żgħira u storika kellha fl-istorja ta’ ġensna. Donnu li l-Birgu hu mwaħħad ma’ ġrajjiet storiċi li ħallew il-marka tagħhom tul id-diversi ħakmiet u avvenimenti importanti li seħħew f’Malta tul il-medda tas-snin.

Nistgħu ngħidu li l-Knisja Parrokkjali ta’ San Lawrenz kienet protagonista f’diversi avven-imenti ta’ importanza kbira li seħħew f’din il-belt marittima matul is-snin. Fosthom bil-wasla f’Malta tal-Aragoniżi li kienu strumentali biex daħħlu jew saħħew il-kult lejn San Lawrenz Djaknu u Martri fil-Birgu. Warajhom jiġu l-Kavallieri li għażlu l-Knisja ta’ San Lorenzo a Mare bħala l-Knisja Konventwali tagħhom. Tul iż-żmien li serviet ta’ konventwali kif ukoll fiż-żmien li serviet bħala l-Knisja tal-Inkwiżituri, dejjem raw li din tkun imżejna kif jixraq biex tagħti ġieħ lill-Mulej mhux biss bil-liturġija imma wkoll permezz ta’ opri artistiċi.

Missirijietna m’għamlulniex għajb, għax mhux biss irnexxielhom jibnu l-knisja preżenti li ħa-det post oħra iżgħar, iżda tul is-snin komplew isebbħuha u ħadmu kemm felħu biex din il-knisja ma jkun jonqosha xejn. Sal-ġurnata tal-lum, il-knisja ta’ San Lawrenz hija mogħnija b’patrimonju kbir li jinkludi diversi paramenti u oġġetti sagri, artifatti, pitturi, skulturi u di-versi oġġetti oħra li jagħmlu lil din il-knisja Kolleġġjata waħda mill-isbaħ f’pajjiżna.

Il-ġrajjiet li għaddiet minnhom din il-knisja tul is-sekli mhux dejjem kienu feliċi u xi drabi għaddiet minn żminijiet imqallba bħalma kienu dawk ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija li was-slu sabiex sfortunatament jintilfu diversi oġġetti ta’ valur kbir. Iżda ta’ min jirrimarka wkoll li l-ħeġġa f’missirijietna qatt ma naqset tant li dawn mhux biss ikkonservaw bl-aħjar mod pos-sibbli dan il-patrimonju imma raw ukoll kif jagħmlu tajjeb għal dak li ntilef maż-żmien kif ukoll komplew jarrikkixxu din il-knisja monumentali b’diversi opri ġodda.

Kburin b’dan il-patrimonju, d-diriġenti tal-Knisja Parrokkjali tal-Birgu ddeċidew li jagħmlu Open Weekend tal-Kumpless tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Lawrenz il-Birgu, bl-isem St Law-rence Hidden Gems li ser isir nhar il-Ġimgħa 26,s-Sibt 27 u l-Ħadd 28 ta’ April 2024. F’dan l-Open Weekend il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi dak li għal diversi raġunijiet mhux dejjem ikun għall-wiri. Xi wħud mill-oġġetti jintużaw f’festi partikolari u oħrajn huma merfugħa b’għożża f’imkejjen differenti tal-knisja. Il-viżitaturi se jgħaddu minn esperjenza unika billi flimkien mal-knisja u l-oratorji se jżuru wkoll postijiet li normalment ikunu magħluqin għall-pubbliku bħalma huma l-Awla Kapitulari, il-kripti u l-kampnar tal-knisja. Waqt l-Open Week-end se jkun hemm ukoll diversi tours iggwidati bil-Malti u bl-Ingliż minn diversi gwidi taħt id-direzzjoni ta’ Glorianne Mizzi, rappreżentazzjonijiet ta’ ġrajjiet storiċi minn diversi atturi, re-enactments mill-grupp In Guardia, kunċerti mużikali bis-sehem ta’ korijiet u tal-Banda Vitto-riosana San Lawrenz u bosta attivitajiet oħra. Titilfux din l-opportunità li tesperjenzaw l-aspetti storiċi, reliġjużi u kulturali li joffri l-kumpless tal-Knisja Konventwali ta’ San Lawrenz, il-Birgu – Ġawhra moħbija għalik x’tiskopri!