Lokali

Rabja kbira qalb ir-residenti fuq l-abbuż bla rażan

Frustrazzjoni, rabja u dwejjaq dawn huma s-sentimenti ta’ diversi residenti minn bosta lokalitajiet minħabba n-nuqqas ta’ infurzar u nuqqas ta’ responsabbiltà minn diversi awtoritajiet fuq l-abbuż bla rażan tal-ispazji pubbliċi.

Is-Sibt filgħodu NetNews segwa kif numru ta’ attivisti ingħaqdu f’għajta waħda waqt konferenza stampa li serviet bħala tnedija uffiċjali għal kampanja bl-isem ‘Il-Bankini taċ-Ċittadini’.

Din it-tnedja saret fi Triq il-Merkanti il-Belt Valletta, fejn Moviment Graffiti spjegaw kif din it-triq hija waħda simbolika hekk kif in-nuqqas ta’ infurzar u regolamenti serji mill-awtoritajiet wasslu biex din it-triq inbelgħet kważi għal kollox mill-interessi privati.

Numru ta’ kelliema minn lokalitajiet differenti spjegaw kif dan l-iżbilanċ bejn il-kummerċ u l-ġid tal-komunita qed jinħass b’mod tanġibbli f’ħafna postijiet oħra fosthom fil-Gżira u Wied il-Għajn.

Il-kelliema saħqu li l-poplu xeba’ jgħix f’pajjiż fejn il-kuntrarju u l-abbuż saru n-norma u saħqu li l-awtoritajiet ma jistgħux jibqghu siekta quddiem din l-inġustizzja.

Dawk preżenti spjegaw kif ta’ kuljum qed iħabbtu wiċċhom ma’ stabillimenti li ħatfu kompletament il-bankini biex ikabru l-istabbilimenti tagħhom meta dawn huwa suppost spazzju pubbliku.

F’dawn il-postijiet, l-awtoritajiet qegħdin totalment jinjoraw u jagħtu bis-sieq lir-residenti li jgħixu hemmhekk, u sempliċiment qed iħallu lill-interessi kummerċjali jagħmlu li jridu b’dannu għar-residenti. B’riżultat tan-nuqqas ta’ infurzar minn naħħa tal-awtoritajiet ir-residenti qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ storbju, intejjen, skart, u bidla fil-kuntest storiku tal-bliet u l-irħula tagħna.

Fid-dawl ta’ dan kollu, ir-residenti qed jesiġu li tittieħed azzjoni immedjata. Għaldaqstant ġew introdotti proposti biex ikun hemm bilanċ bejn il-kummerċ u l-benesseri tan-nies.

Fost il-miżuri r-residenti qegħdin jitolbu li ssir reviżjoni tal-legiżlazzjoni, rilaxx tal-informazzjoni, kif ukoll rikors għall-azzjoni.