Internazzjonali

Titkompla t-tensjoni bejn l-Ukrajna u r-Russja

Il-Pentagon qal li ser iwwassal missili tad-difiża tal-ajru lejn l-Ukrajna bħala parti mill-pakkett il-ġdid tal- għajnuna militari tiegħu.

Is-Sibt l-Ukrajna qalet li Russja wettqet attakk enormi ieħor mill-ajru. Awtoritajiet f’Kharkiv qalu li saret ħsara fi sptar kif ukoll fil-faċilitajiet tal-enerġija fi tliet reġjuni. L-Ukrajna kompliet tgħid li r-Russja attakkat b’missili mill-art għall-ajru.

L-Ukrajna kkonfermat li laqtet żewġ raffineriji taż-żejt Russi madwar il-fruntiera. Fil-fatt diversi filmati russi juru splużjoni kbira, għalkemm l-awtoritajiet lokali ċaħdu li kien hemm ħsarat sinifikanti.

Min-naħa l-oħra l-awtoritajiet Russi qalu li fil-ġurnata tas-Sibt waqqgħu mawar 68 drone Ukren fuq it-territorju Russu.

Waqt diskors f’konferenza is-segretarju tad-difiża tal-Istati Uniti Lloyd Austin sostna li l-Istati Uniti qed timpenja ruħha bix tkun ta’ assistenza ta’ sigurta’.

Austin sostna li l-Istati Uniti kienu qed jużaw 6 biljun dollaru propju biex jsaħħu s-sigurta tal-Ukrajna, b’sorsi kkonfermaw li dawn is-6 biljun dollaru kienu parti minn pakkett ta’ għajnuna ta’ 60 biljun dollaru ffirmat fil-liġi mill-president Amerikan Joe Biden li tinkludi ukoll biljun dollaru f’għajuna immedjata.

L-assistenza tinkludi munizzjon tad-difiża tal-ajru, sistemi kontra d-drones u munizzjon tal-artillerija.