Lokali

“Flimkien għalik biex ikollok Malta li inti tixtieq” – Bernard Grech

Partit Nazzjonalista fit-tmexxija tal-Kunsilli Lokali se jkun qed jagħti prijorità assoluta lill-ambjent li jixraq lir-residenti Maltin u Għawdxin.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hekk kif il-Ħadd filgħodu indirizza attività politika fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Huwa saħaq li l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju hija opportunità li titwassal messaġġ ċar u qawwi li flimkien nagħżlu persuni li jixtgħu verament jirrappreżentawk kif inhu xieraq.

Bernard Grech sostna li l-fatt li Robert Abela jrid jagħti proklama lil dawk li ffrodaw minn but il-poplu għaliex għaddejjin minn trawma hija surreali għaliex kien il-Gvern tiegħu li wassalhom s’hawn.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li huma dawk il-ħaddiema li ħalsu b’ħajjithom fis-siti ta’ kostruzzjoni…u qrabathom li għaddejjin minn trawma – ir-residenti li jkollhom jaħarbu minn djarhom għaddejjin minn trawma..dawk il-pazjenti li jintbgħatu lura d-dar għax m’hemmx spazju għalihom fl-isptar u dawk il-ġenituri u anzjani li mhux ilaħqu mal-ħajja…li verament għaddejjin minn trawma.

Bernard Grech sostna li Abela qed jagħmel minn kollox biex jibqa’ fil-poter tant li issa nqabdu jipprovaw jimmanuvraw biex jinfluenzaw il-voti permezz tal-akomodazzjoni soċjali.

Intant huwa saħaq li Partit Nazzjonalista lest iwieżen lin-negozji u liċ-ċittadin mhux għax ġejja elezzjoni imma dejjem.

Għaldaqstant Bernard Grech sostna li fit-8 ta’ Ġunju li ġej il-poplu għandu għażla li jivvota għall-interessi tiegħu filwaqt li ħeġġeġ lill-familji sabiex fl-1 ta’ Mejju jingħaqdu fin-Ġnien tal-Għarusa tal-Mosta.