Internazzjonali

Il-Ġermanja: Tħassib dwar l-attività sigrieta taċ-Ċina u r-Russa… bis-suspett jaqa’ wkoll fuq il-kandidati għall-Parlament Ewropew

 

L-arresti fil-Ġermanja, mill-bidu ta’ April, ta’ sitt persuni suspettati bħala spjuni għar-Russja u ċ-Ċina indikaw li l-pajjiż sar mira kbira għall-attività sigrieta taż-żewġ Stati protagonisti fl-hekk-imsejħa Alleanza kontra l-Punent (u li tinkludi fiha l-Iran u l-Korea ta’ Fuq komunista). Is-sitwazzjoni, fil-fatt, hi ferm imbarazzanti għall-Partit Alternativ fur Deutscheland (Afd) – il-partit estremista  tal-lemin – wara li tnejn mill-kandidati tiegħu għall-elezzjonijiet ta’ Ġunju għall-Parlament Ewropew spiċċaw implikati fil-każ.

Raġel identifikat bħala Jian G, kollaboratur mal-MEP Ġermaniż, Maximilian Krah, spiċċa arrestat fuq akkużi li kien qed jispjuna fil-Ġermanja bħala ‘impjegat mas-servizzi sigrieti taċ-Ċina’.

Krah, li hu l-kandidat ewlieni tal-AfD għall-Ewropa, qed jiċħad għal kull sehem fil-każ u meta l-prosekuturi għaddejjin bl-investigazzjonijiet preliminari dwaru b’konnessjoni ma’ pagamenti li hu allegatament irċieva mingħand xi ‘sorsi’ favur ir-Russja u ċ-Ċina.

Intant, Petr Bystron, kandidat ieħor tal-AfD għall-Parlament Ewropew, ċaħad allegazzjonijiet li hu rċieva l-flus mingħand il-websajt Voice of Europe. Il-Websajt, skont l-allegazzjonijiet tas-servizzi sigrieti fl-Ewropa, qed isservi bħala koperta għan-network tal-ispjunaġġ tar-Russja fl-Ewropa.

Hu minnu wkoll li żewġ ċittadini Ġermaniżi ta’ nisel Russu nżammu taħt arrest fuq suspett li ppruvaw iwettqu azzjonijiet ta’ sabutaġġ fil-konfront tal-għajnuna militari li l-Ġermanja qed tagħti lill-Ukrajna. Dan meta tliet Ġermaniżi oħra wkoll inżammu mill-Pulizija talli huma, allegatament, ippjanaw biex jipprovdu lis-servizzi sigrieti taċ-Ċina bid-dettalji dwar disinji għal magna avvanzata prodotta mill-Ġermanja.