Kulħadd mistieden jingħaqad mal-PN fil-Maratona Ġbir ta’ Fondi
Il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jdur fuq il-ġenerożità tan-nies sabiex ikompli jsaħħaħ u jinvesti sabiex iwassal l-aqwa u l-aħjar politika għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Maratona Ġbir ta’ Fondi ngħatat bidu fit-15.00 ta’ tal-Ħadd waranofsinhar fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, mis-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino fejn saħaq li ninsabu fuq l-għatba ta’ kampanja elettorali ta’ żewġ elezzjonijiet importanti għal pajjiżna u kull appoġġ hija ta’ importanza kbira.
Matul il-maratona, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech saħaq li filwaqt li l-Gvern ta’ Abela qed jitbiegħed mill-polz tan-nies, il-Partit Nazzjonalista jinsab qrib il-familji Maltin u Għawdxin.
Huwa insista li l-Partit Nazzjonalista qed jagħti garanzija ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini fid-dawl tal-isfida tal-għoli tal-ħajja.
Bernard Grech sostna li l-Gvern ta’ Abela jinsab bla pjan fejn għandu x’jaqsam it-traffiku – realtà li kulħadd qed jgħaddi minnha – bit-toroq imħarbtin, bi trabijiet u bankini ta’ periklu għal min jimxi fuqhom.
Dan filwaqt li jekk verament pajjiżna jrid jimxi ‘l quddiem, l-għażla naturali huwa l-Partit Nazzjonalista li jwassal għal sistema ta’ transport aħjar… u mhux sistema ta’ konġestjoni ta’ traffiku li ħoloq dan il-Gvern
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kkundanna l-attakk ta’ Robert Abela fuq il-ġudikatura tal-Ħadd filgħodu, bi Grech jiddeskrivi lill-Prim Ministru bħala wieħed dgħajjef li qiegħed jinkwieta.
Huwa sostna li l-attakk fuq l-istituzzjonijiet kien wieħed kodard għall-aħħar u insista li l-Partit Nazzjonalista dejjem se jagħti l-appoġġ lill-Qrati.
Intant, Bernard Grech ħeġġeġ lill-familji Maltin u Għawdxin sabiex fl-ewwel ta’ Mejju jattendu biex jiċċelebraw flimkien lill-ħaddiem u 20 sena mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, fil-Ġnien l-Għarusa tal-Mosta.
Matul din il-Maratona għaddejja attività għall-familja kollha, fejn il-familji jkollhom l-opportunità sabiex jiltaqgħu mal-kandidati rispettivi tagħhom – dan filwaqt li bħal kull sena l-maratona se tkun qed toffri wkoll spettaklu.
Dan filwaqt li matul il-maratona kienu diversi l-kandidati tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew li taw sehemhom u għamlu l-appelli tagħhom.
Dan kollu bi tħejjija għall-kampanja elettorali li fi ftit ġimgħat oħra se tkun qed twassalna għall-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju.
//= $special ?>