L-iskema tal-istabbilità kienet immirata fuq ammont limitat ta’ prodotti u hemm ħafna affarijiet li jwasslu għall-inflazzjoni li mhux limitati mas-settur tal-ikel.
Sostniet dan il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs, Abigail Agius Mamo, waqt il-programm ‘Opinjoni’ l-Ġimgħa filgħaxija hekk kif spjegat li s-sentiment fost in-negozji hi l-Gvern tal-Labour reġġa lura l-arloġġ għat-tmeninijiet b’din l-iskema.
Dan filwaqt li saħqet li din l-iskema tal-Gvern ta’ Abela kienet immirata fuq ammont limitat ta’ prodotti u saħqet li huwa improbabbli ħafna li tali skema kellha impatt materjali.
Agius Mamo meriet dak li l-Gvern ilu jisħaq dwaru… li tali skema wasslet biex naqset l-inflazzjoni.
Dan hekk kif hija insistiet li t-trend ta’ tnaqqis qed tidher madwar l-Ewropa kollha… kif mistenni.
Intant b’rabta mal-inflazzjoni, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji saħqet li n-negozji nsibuhom mira faċli li nippuntaw subgħajna lejhom bħala l-kawża għaż-żieda fil-prezzijiet – mentri effettivament dan mhux il-każ.
Mistoqsija dwar il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alex Agius Saliba… u l-attakk li għamel fuq in-negozji Maltin u Għawdxin fl-Ewropa… Agius Mamo saħqet li l-Unjoni Ewropea nfisha weġbitu li kien qed jagħmel ħażin.
Dan filwaqt li stqarret li saħansitra l-MCCA sabet li ma kellux raġun l-MEP Laburista hekk kif ma sabet l-ebda problema ta’ kompetizzjoni fis-suq f’pajjiżna… għaldaqstant Agius Mamo insistiet li l-Kamra tal-SMEs tħoss li n-negozji ntużaw għal għan politiku u din ma hija xejn ħlief inġustizzja kbira.
Abigail Agius Mamo sostniet li n-negozji f’pajjiżna għandhom diffikultajiet kbar fil-limitazzjonijiet li pajjiżna għandu fost oħrajn fl-importazzjoni… għaldaqstant insistiet li wara dan kollu li jiġu ppuntati swaba’ lejn in-negozji hija kompletament inġusta.
//= $special ?>