Internazzjonali

Iżrael: Pressjoni akbar għal ftehim dwar l-ostaġġi…. fost it-tħejjijiet għal offensiva oħra f’Gaza

Il-kriżi tal-ostaġġi miżmumin mill-Ħamas kompliet tqanqal l-għadab tal-Iżraeljani li jridu akkost ta’ kollox ftehim li jaċċerta l-ħelsien ta’ ħuthom wara xhur ta’ priġunerija…Xhur li fihom l-ostaġġi – li nħatfu waqt ir-rejds storiċi tas-7 ta’ Ottubru mill-Ħamas f’Iżrael — kienu kostretti li jgħixu f’biża’ u inċertezza kbira qalb labirint ta’ mini kontrollati mit-terroristi.

U minkejja li l-Armata Iżraeljana qed  tħejji offensiva kbira fuq l-aħħar fortizzi tal-Ħamas fl-inħawi ta’ Rafah, mhux eskluż li l-Gvern tal-Prim Ministru Benjamin Netanyahu – li jinsab taħt pressjoni kbira f’din il-kwistjoni —  ‘il quddiem, isib soluzzjoni li ssalva lill-ostaġġi (li jinkludu anki xi barranin) minn dan il-kalvarju.

Filwaqt li għaddejjin in-negozjati bejn ir-Rappreżentanti ta’ Iżrael u l-Ħamas, ftit hemm dubju li kwalunkwe ħelsien potenzjali tal-ostaġġi għandu jħoll u jorbot fuq deċiżjoni tat- Tmexxija Iżraeljana biex ma tattakkax il-belt ta’ Rafah, in-Nofsinar ta’ Gaza.

Intant, il-Ministru Iżraeljan għall-Affarfijiet Barranin, Israel Katz, fi tmiem il-ġimgħa, qal li l-qawwiet ta’ pajjiżu għadhom għaddejjin’xorta’ bit-tħejjijiet għall-kampanja militari (f’Rafah) għaliex hemm ħtieġa li Iżrael jelimina s-sorsi kollha tat-terroriżmu minn Gaza.

Katz, intant, esprima tamiet li jintlaħaq ftehim li jissodisfa l-partijiet kollha anki jekk l-offensiva inkwistjoni fuq Rafah kapaċi hi biss ftit tal-ġranet  ‘il-bogħod. Dan meta l-komunità internazzjonali qed twissi dwar il-potenzjal għall-aktar sitwazzjoni umanitarja katastrofika fost il-1.5 miljun refuġjati Palestinjani li marru f’Rafah biex jaħarbu mill-gwerra.

L-attakki terroristiċi tas-7 ta’Ottubru mill-Ħamas fl-artijiet ta’ Iżrael kienu swew il-ħajja ta’ aktar minn 1,200, b’madwar 300 jinħatfu bħala ostaġġi. Il-kampanja ta’ ritaljazzjoni tal-Iżraeljani f’Gaza, sadanittant, ħalliet aktar minn 35,000 mejtin – terroristi u daqstant ieħor ċivili.

F’Novembru li għadda – u grazzi għal ftehim bejn Iżrael u l-Ħamas – it-terroristi kienu ħelsu mal-105 ostaġġi, ħafna minnhom nisa u tfal. Dan waqt li l-Iżraeljani qablu li jkun hemm waqfien mill-ġlied ta’ ġimgħa f’Gaza minbarra li ħelsu xi 240 priġunier Palestinjani li kienu miżmumin il-ħabs f’Iżrael.

U waqt li hu kalkulat li, bħalissa, għad hemm mal-130 ostaġġ f’idejn il-Ħamas, l-Iżraeljani qawwew qalbhom wara li t-terroristi, fi tmiem il-ġimgħa, iċċirkulaw filmati ta’ żewġt irġiel li tkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom bħala ostaġġi. Il-filmati jidhru li ttieħdu riċentement u meta l-irġiel – identifikati bħala Omri Miran u Keith Siegel (Amerikan) – dehru suġġetti għal theddid u pressjoni huma u jindirizzaw lill-kamera.

Il-familji taż-żewġ irġiel, sadanittant, qalu li se jibqgħu jissieltu għar-ritorn tal-għeżież tagħhom filwaqt li ngħaqdu ma’ eluf kbar oħra ta’ Iżraeljani li jridu li l-Gvern ta’ Iżrael – bl-appoġġ tal-Eġittu u l-Qatar bħala medjaturi – jaċċerta l-ħelsien tal-ostaġġi kollha minn Gaza.

Il-kelliema  għall-Ħamas qalu li huma kienu qed jistudjaw l-aħħar proposta ta’ Iżrael għal waqfien mill-ġlied meta huma qed jidhru ddisprati biex jevitaw l-offensiva kbira tal-Iżraeljani fuq Rafah.