€220,291.
Din hija s-somma li nġabret waqt il-maratona organizzata mill-Partit Nazzjonalista.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech saħaq li filwaqt li l-Gvern ta’ Abela qed jitbiegħed mill-polz tan-nies, il-Partit Nazzjonalista jinsab qrib il-familji Maltin u Għawdxin.
Huwa insista li l-Partit Nazzjonalista qed jagħti garanzija ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini fid-dawl tal-isfida tal-għoli tal-ħajja.
Bernard Grech sostna li l-Gvern ta’ Abela jinsab bla pjan fejn għandu x’jaqsam it-traffiku – realtà li kulħadd qed jgħaddi minnha – bit-toroq imħarbtin, bi trabijiet u bankini ta’ periklu għal min jimxi fuqhom.
Dan filwaqt li jekk verament pajjiżna jrid jimxi ‘l quddiem, l-għażla naturali huwa l-Partit Nazzjonalista li jwassal għal sistema ta’ transport aħjar… u mhux sistema ta’ konġestjoni ta’ traffiku li ħoloq dan il-Gvern.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kkundanna l-attakk ta’ Robert Abela fuq il-ġudikatura tal-Ħadd filgħodu, bi Grech jiddeskrivi lill-Prim MInistru bħala wieħed dgħajjef li qiegħed jinkwieta.
Huwa sostna li l-attakk fuq l-istituzzjonijiet kien wieħed kodard għall-aħħar u insista li l-Partit Nazzjonalista dejjem se jagħti l-appoġġ lill-Qrati.
Intant, Bernard Grech ħeġġeġ lill-familji Maltin u Għawdxin sabiex fl-ewwel ta’ Mejju jattendu biex jiċċelebraw flimkien lill-ħaddiem u 20 sena mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea fil-Ġnien l-Għarusa tal-Mosta.
Dan filwaqt li matul il-maratona kienu diversi l-kandidati tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew li taw sehemhom u għamlu l-appelli tagħhom.
Dan kollu bi tħejjija għall-kampanja elettorali li fi ftit ġimgħat oħra se tkun qed twassalna għall-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju.
Matul il-Maratona, bosta kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali taw is-sehem tagħhom fejn ilkoll waslu messaġġ wieħed ta’ ħidma favur il-ġejjieni tal-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>