Internazzjonali

L-Awstralja: Il-Gvern jirrikonoxxi l-vjolenza kontinwa kontra l-mara bħala kriżi nazzjonali

Il-Prim Ministru Awstraljan, Anthony Albanese, qal li l-mewġa ta’ vjolenza kontra n-nisa fl-Awstralja għandha tkun trattata fuq livell ta’ kriżi  nazzjonali.  Dan meta fl-Awstralja, fi tmiem il-ġimgħa, saru sensiela ta’ dimostrazzjonijiet min-nisa biex jenfasizzaw il-gravità tas-sitwazzjoni.

Id-dimostranti, fil-fatt, insistew biex il-vjolenza mill-irġiel fuq in-nisa tkun iddikjarata bħala emerġenza nazzjonali mill-Gver n.Huma, fl-istess ħin, iridu li l-amministrazzjoni ewlenija tattwa l-liġijiet aktar stretti kontra dan l-abbuż.

Is-sitwazzjoni fl-Awstralja hi tant li – skont l-aħħar kalkoli – mara tilfet ħajjitha kaġun tal-vjolenza għal kull erbat ijiem li għaddew, mill-bidu tas-sena ‘l hawn.

L-organizzaturi tad-dimostrazzjonijiet insistew għall-introduzzjoni ta’ aktar mezzi, fuq livell ta’ media, biex in-nisa jirrakkuntaw fid-dettall l-esperjenzi ‘ta’ potenzjal fatali’ li huma jistgħu jiffaċċjaw taħt idejn l-irġiel – anki bħala miżżewġin.

Waqt li l-Gvern tiegħu jinsab taħt pressjoni biex jimplimenta pjan ta’ emerġenza, il-Prim Ministru Awstraljan, waqt diskors f’Canberra, ammetta li l-Gvern immexxi minnu jeħtieġ li jaġixxi aħjar fiċ-ċirkustanzi. Hu saħaq dwar il-ħtieġa li l-Gvern preżenti u oħrajn fil-futur jimplimentaw kultura ta’ bidla minbarra riformi relatati mas-sistema legali  u li jindirizzaw il-kriżi speċifika.

Fil-ħin li tkellem, eluf ta’ nisa kienu qed imexxu dimostrazzjoni fiċ-ċentru ta’ Canberra. Il-Prim Ministru Albanese għamilha ċara wkoll li r-riformi jridu jaċċertaw li jonqsu kemm jistgħu s-sitwazzjonijiet fejn il-mara  tisfa mira għall-vjolenza – u meta l-irġiel, partikularment, huma fid-dmir li jibdlu ċertu aġir u atteġġjament li qed iħallu r-riżultati traġiċi.