Futbol Sport

Tkompli t-taqtiegħa bejn Arsenal u Man City, Arsenal jirbħu d-derby ta’ Londra, Man City jirbħu f’Nottingham

(Ritratt: EPA)

Fil-Premier League fl-Ingilterra tkompli t-taqtiegħa għar-rebħ tal-Kampjonat bejn Arsenal u Man City hekk kif Liverpool wara d-draw kontra West Ham jidher li tbiegħdu xi ftit.

Fit-Tottenham Hotspur Stadium, Arsenal kisbu rebħa ta’ 3-2 fuq Tottenham fid-derby ta’ Londra. Arsenal fil-vantaġġ permezz ta’ awto-gowl ta’ Pierre Emile Hojbjerg. Il-Gunners irduppjaw permezz ta’ Bukayo Saka qabel ma’ Kai Havertz għamilhom 3-0 qabel tmiem l-ewwel taqsima. Fit-tieni taqsima, Tottenham ħarġu xi ftit aħjar u kien minn żball tal-goalkeeper David Raya, li Romero approfitta u naqqas l-iskor għal 3-1. Ftit tal-ħin wara, Tottenham ingħataw penalty u kien Heung Min Son li għamilhom 3-2 bit-tim imexxi minn Mikel Arteta jagħraf jagħlaq il-partita.

Manchester City irrispondew għar-rebħa tal-Gunners ftit qabel u kisbu rebħa ta’ 2-0 fuq Nottingham Forest b’gowl f’kull taqsima. Fl-ewwel taqsima kien Josko Gvardiol li b’daqqa ta’ ras perfetta poġġa lit-tim ta’ Pep Guardiola fil-vantaġġ qabel ma fit-tieni taqsima kien l-attakkant Erling Haaland li b’xutt bil-lemin għalaq il-partita.

Fil-Vitality Stadium rebħa ta’ 3-0 għal Bournenmouth fuq Brighton. Marcos Senesi poġġa lil Bournemouth fil-vantaġġ, b’Enes Unal jirdoppja wara l-mistrieħ. Lejn it-tmiem kien Justin Kluivert li għalaq il-partita.