Investigazzjoni mill-Pulizija b’rabta ma’ traffikar ta’ droga wasslet għall-arrest ta’ 3 irġiel wara li fil-pussess tagħhom instabu sustanzi differenti ta’ droga.
Wara informazzjoni dwar l-allegati suspettati, nhar il-Ġimgħa, il-Pulizja waqqfet vettura f’Buġibba li kienet qiegħda tinstaq minn raġel ta’ 50 sena u miegħu fil-vettura kien hemm raġel ieħor ta’ 39 sena. Fi tfittxija li saret fil-vettura nstabu numru ta’ qratas bid-droga suspettata kokaina u eroina, lesti biex jiġu ttraffikati.
It-tfittxijiet komplew fil-Mosta, fir-residenza tar-raġel ta’ 50 sena fejn hemmhekk kien hemm ukoll ġuvni ta’ 24 sena. Hawnhekk il-pulizija sabet blokka droga suspettata eroina pura ta’ madwar 700 gramma, arma tan-nar flimkien ma’ ammont ta’ balal, fost oġġetti oħra li jintużaw fit-traffikar ta’ droga.
It-tliet irġiel ser ikunu qed jitressqu l-Qorti għall-ħabta tan-nofsiegħa quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.

