Lokali

Wara li taha bis-sieq il-Labour juża’ s-saħħa biex jikkampanja

Waqt li s-settur tas-saħħa jinsab għarkupptejh – bl-Isptar Mater Dei mhux qed ilaħħaq bl-influss qawwi ta’ pazjenti, b’diversi persuni jitqiegħdu fi swali u kurituri taħt l-art mingħajr twieqi u privatezza – filwaqt li diversi ċittadini jaraw l-appuntamenti tagħhom posposti u l-pressjoni dejjem tiżdied fuq il-ħaddiema f’dan il-qasam…..il-Gvern ta’ Abela dehrlu li, surrealment, għandu jikkampanja għall-Elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju bit-tema s-saħħa lill-Maltin.

Bosta esperti f’dan is-settur qed jisħqu li mhux biss il-Gvern tal-Labour mhux qed jindirizza dan is-settur kif jixraq iżda qed jinjora għal kollox is-Saħħa Mentali tal-poplu Malti u Għawdxi – tant li ġie jaqa’ u jqum mill-wegħdi u proposti li għamel fl-aħħar sentejn….bl-ansjetà tal-familji dejjem tiżdied – kemm minħabba l-għoli tal-ħajja, kif ukoll minħabba l-isfidi fl-infrastruttura tat-traffiku u s-settur tas-saħħa.

Matul il-Ħadd filgħodu f’għeluq tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, il-Mexxej tal-Labour Robert Abela ammetta li hemm bżonn ta’ investiment ġdid. Dan għaliex fi ħdax-il sena Labour fil-Gvern naqas għal kollox milli jindirizza l-kriżi f’dan il-qasam għajr l-€400 miljun li ta lil Vitals u Steward bil-poplu jispiċċa jinsteraq f’dak li jitqies bħala l-akbar frodi minn flus il-poplu….għad-detriment ta’ saħħet iċ-ċittadini. U l-Partit ta’ Abela qed jogħġbu jikkampanja bis-saħħa tal-Maltin.

L-istess Partit li se jikkampanja bis-Saħħa lill-Maltin, huwa l-istess wieħed li fl-aħħar xhur u ġimgħat sirna nafu li Deputati ta’ Abela, kif ukoll uffiċjali tal-Partit allegatament kienu involuti fl-iskandlu tal-Benefiċċji Soċjali fejn mijiet ta’ nies ingħataw bejniethom madwar €6 miljun f’benefiċċji ta’ diżabbiltà li ma kienux intitolati għalihom.

Intant, Robert Abela saħaq li l-indafa għal Gvern hija prijorità….meta ċ-ċittadin joħroġ mill-bieb ta’ daru u kull ma jsib sfortunatament żdingar u arja mniġġsa – fejn tkellem ukoll dwar il-ħaddiema barranin li qiegħed jimporta – iżda naqas milli jitkellem fuq pjan ħolistiku biex jindirizza ż-żieda fil-popolazzjoni li ġab il-mudell ekonomiku tiegħu bbażat fuq il-kwantità.

Huwa ddefenda ukoll l-iskema tal-prezzijiet stabbiltà – skema li qed tiġi kkritikata ferm minn diversi għaqdiet deskritta bħala waħda mhux biżżejjed biex tindirizza l-isfida tal-għoli tal-ħajja.

Fosthom il-Kamra tal-SME’s, bil-Kap Eżekuttiv Abigail Agius Mamo tistqarr li huwa mhux korrett li l-iskema kellha effett fuq il-prezzijiet dan għaliex l-iskema tal-Gvern hija waħda ibbażżata fuq numru limitat ta’ prodotti.

U qalb għajjat u attakki partiġġjani wieħed wara l-ieħor, u kliem fieragħ u bizzilla naqas milli jindirizza l-kwistjoni tad-99 vot f’binja tal-Gvern mhux abitabbli fis-Siġġiewi, injora l-allegazzjonijiet li membri mill-Kabinett tiegħu stess involuti fl-iskandlu tal-benefiċċji soċjali, u reġa’ evita milli jitkellem fuq kull skandlu li feġġ ġimgħa wara oħra fil-kuriduri ta’ Kastilja.

Iżda ironikament Abela temm jgħid li hu lest jaħdem mingħajr biża’ jew favur – favuri li kollox skont l-esperti u d-diversi editorjali….ilkoll qed jinnotaw li dan il-Gvern huwa prattikament ibbażat fuqhom.