Futbol Sport

Erbgħa mis-seba’ partiti li fadal fil-Kampjonat BOV Premier se jintlagħbu fl-istess ħin

(Ritratt: Joseph Galea)

Fuq il-midja soċjali ta’ Replay, sar magħruf u kkonfermat li erbgħa mis-seba’ partiti li għadna skedati fl-aħħar ġurnata tal-Kampjonat Premier, u li se jkunu qed jintlagħbu fit-tmiem il-ġimgħa li ġejja, se jkunu qed jintlagħbu fl-istess ħin, f’erba’ stadiums differenti u nhar il-Ġimgħa li ġej, 3 ta’ Mejju.

Dan se jkun qed iseħħ sabiex ikun magħruf l-aħħar verdett li għadu pendent fit-tmiem tal-Kampjonat Premier 2023/24, ta’ min se jkun ir-raba’ u l-aħħar tim li se jkun relegat għall-National Challenge League tal-istaġun li ġej.

Matul it-tmiem il-ġimgħa li għaddiet, f’match day 25, kelna ħafna mill-verdetti li kienu għadhom pendenti, li ġew deċiżivi skont ir-riżultati li kelna fis-seba’ partiti li ntlagħbu nhar is-Sibt u l-Ħadd li għadda. Fost dawn kelna l-konferma li Ħamrun Spartans rebħu l-Kampjonat Premier għall-għaxar darba fl-istorja u li Sliema Wanderers aċċertaw mit-tielet post u allura ritorn għal parteċipazzjoni fl-Ewropa fl-istaġun li ġej.

F’dak li għandu x’jaqsam il-battalja għal kontra r-relegazzjoni, sal-bieraħ kelna żewġ postijiet li kienu għadhom indeċiżi ta’ min kien se jingħaqad ma’ Sirens u Gudja Unitd u jikseb kundanna għall-National Challenge League.

Valletta tilfu 4-0 kontra Naxxar Lions biex sar it-tielet tim relegat b’mod matematiku għal diviżjoni oħra.

Għaldaqsant, fl-aħħar programm ta’ partiti, dak ta’ match day 26, l-attenzjoni ta’ kull dilettant tal-futbol lokali se tkun primarjament fuq erba’ partiti minn sebgħa, li direttament se jkunu qed jiddeċidu min se jkun ir-raba’ u l-aħħar tim relegat mill-Kampjonat Premier.

Replay jista’ jikkonferma li l-MFA ħadet id-deċiżjoni, kif ġieli għamlet fl-aħħar snin, li dawn l-erba’ partiti diretti, jintlagħbu fl-istess ħin u f’stadiums differenti.
Il-partiti inkwistjoni huma dawn:

Santa Lucia vs Birkirkara, fis-Centenary Stadium, f’ Ta Qali.

Gżira United vs Floriana, Fl-istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali.

Mosta vs Naxxar Lions, Fit-Tony Bezzina Stadium, f’ Kordin.

Marsaxlokk vs Balzan, fil-Gozo Stadium, f’Għawdex.

Illum, l-MFA ikkomunikat ma’ dawn il-klabbs inkwistjoni li aktar tard illum, fl-uffiċni tal-MFA se tkun qed issir polza apposta, biex ikunu deċiżi liema partiti fejn se jkunu qed jintlagħbu.

Madankollu l-MFA diġa’ ħabbret ma’ dawn il-klabbs, li minħabba raġunijiet ta’ siġurtá, u wara kommunikazzjoni li saret mal-Pulizija, id-derby bejn Mosta u Naxxar Lions se jintlagħab fl-Istadium Nazzjonali jew f’Tony Bezzina Stadium, u żgur mhux fiż-żewġ Stadiums l-oħra.