Lokali Parlament

Il-kunsilli lokali għandhom jagħmlu reġistri dwar il-wirt storiku fil-lokalitajiet


Darren Carabott, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal fil-Parlament li l-kunsilli lokali għandhom jagħmlu reġistri dwar il-wirt storiku fil-lokalitajiet.


Darren Carabott qal li r-ratifika internazzjonali u protokolli tal-UNESCO u UNIDROIT hi importanti u sostna li dannu fuq il-wirt kulturali hu fil-fatt dannu għall-umanità. Hu sostna li wara l-isfreġju tat-Tieni Gwerra, id-dinja rat sfreġju uman u sfreju ta’ wirt kulturali. Hu appella biex il-liġijiet f’dan is-settur jibqgħu jitjiebu.


Darren Carabott tkellem dwar is-serq ta’ oġġetti storiċi minn wieħed mill-mużewijiet u qal li dan juri kemm hemm bżonn li titjieb is-sigurtà f’dawn il-mużewijiet. Dan filwaqt li l-wirt storiku jitgawda kemm jista’ jkun fost il-poplu.


Jeħtieġ li l-pajjiż jagħmel iktar kontra l-użu ta’ partrimonju nazzjonali biex isir ħasil ta’ flus fuqu. Isem Malta qed jissemma’ fost gruppi ta’ kriminalità organizzata biex iwettqu atti kirminali f’dan ir-rigward. Għalhekk din il-ġlieda għandha tkompli tintensifika.


Hu qal li mhux aċċettabbli politiċi jieħdu patrimonju storiku biex iżejnu d-djar tagħhom u staqsa jekk hawnx inventarju dwar kemm hawn marker-stones fil-pajjiż. Ir-risposta tal-ministru kienet li m’hawnx inventarju ta’ dawn il-marker-stones storiċi.


Darren Carabott appella biex il-kunsilli lokali flimkien mal-kunsilli reġjonali jiffukaw biex jitjiebu s-servizzi lokali u li l-patrimonju Malti jingħata importanza. Il-PN kien ippropona li jsir reġistru dwar il-patrimonju nazzjonali dwar il-lokalitajiet, sostna d-deputat Nazzjonalista.