Lokali

“Jeħtieġ direzzjoni ċara għalik u għal pajjiżna” – Bernard Grech

Hekk kif din il-ġimgħa jitfakkar Jum il-Ħaddiem, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kompla biż-żjarat tiegħu fost il-ħaddiema, sidien tal-ħwienet, stabbilimenti kummerċjali u anke lukandi. Dan sabiex jisma’ l-isfidi li dawn il-ħaddiema qed jesperjenzaw ta’ kuljum.

L-ewwel żjara tiegħu kienet f’Baystreet fejn Bernard Grech żar il-ħwienet f’dan l-istabbiliment kummerċjali, fosthom dawk tal-ħwejjeġ u tal-ikel. Il-Kap tal-PN wiegħed ħidma ma taqta’ xejn għall-ħaddiema li huma s-sinsla tas-settur kummerċjali u dak turistiku.

NET News tkellem maċ-Chief People Officer ta’ Baystreet, Maxine Desira, illi spjegat l-importanza tal-ħiliet li għandhom il-ħaddiema f’pajjiżna.

Iż-żjara kompliet f’lukanda rinomata f’Paceville fejn Bernard Grech kompla jiltaqa’ ma’ impjegati li jaħdmu fis-settur tal-ospitalità. Iż-żjara ġiet fi tmiemha b’laqgħa mat-tmexxija tal-kumpless Baystreet.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wiegħed direzzjoni ċara ghal aktar investiment sabiex pajjiżna jagħmel il-qabża tant meħtieġa ‘l quddiem; investiment ta’ kwalità mhux biss fis-settur privat iżda anke sabiex tintwera responsabbiltà min-naħa tal-Gvern tal-ġurnata fejn jidħol l-ambjent pubbliku u l-infrastruttura.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ix-Shadow Ministers Robert Cutajar, Ivan J. Bortolo u Mario de Marco.