Lokali

Kampanja mill-Parlament Ewropew biex iċ-ċittadini jużaw il-vot tagħhom

Uża l-vot tiegħek inkella ħaddieħor jiddeċiedi għalik.

Illum fl-Unjoni Ewropea, id-demokrazija tista’ tidher bħala xi ħaġa ovvja, iżda dan mhux dejjem kien il-każ.

Hija din ir-raġuni għaliex l-Parlament Ewropew nieda kampanja biex iċ-ċittadini kollha joħorġu jivvutaw. M’ilux wisq, miljuni ta’ Ewropej għexu fi żminijiet meta la setgħu jivvutaw, u lanqas jitkellmu liberament. Meta ħajjithom stess setgħet kienet fil-periklu sempliċiment għax kienu differenti, għax kellhom twemmin differenti jew għax riedu ħajja differenti.

Permezz ta’ vidjo emozzjonanti ġie spjegat kif fi snin erbgħin bosta persuni esperjenzaw il-gwerra. Gwerra li fiha mietu bosta persuni u li kienet ir-raġuni għala bosta persuni kienu ħarġu jiġġieldu għad-demokrazija.

U huwa għalhekk li d-demokrazija qatt ma għandha titqis bħala fatt u għandha dejjem tiġi mħarsa.

Id-demokrazija hija rigal prezzjuż mgħoddi lilna mill-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna. Huma aspiraw għaliha u ġġieldu għaliha. Issa f’idejn kull persuna li tista’ tivvota sabiex iżomm id-demokrazija b’saħħitha u tgħaddiha lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

L-aktar mod effettiv biex dan ikun possibli huwa billi kull persuna tivvota – peress li aktar ma jivvutaw nies, id-demokrazija ssir aktar b’saħħitha.

Bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju 2024: Uża l-vot tiegħek, inkella ħaddieħor jiddeċiedi għalik.