Lokali

Kundanna mill-Kamra tal-Avukati wara l-attakk ta’ Abela

Il-Kamra tal-Avukati tħoss li għal darb’oħra għandha toħroġ stqarrija bħala reazzjoni għad-diskors li għamel il-Prim Ministru Robert Abela matul il-Kungress Ġenerali tal-Partit Laburista, il-Ħadd 28 ta’ April 2024. 

Bid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru reġa’ għamel attakk dirett fuq il-ġudikatura. Dan il-attakk sar proprju meta ġiet imnedja l-kampanja elettorali tal-Partit Laburista tat-8 ta’ Ġunju 2024. 

Il-Kamra qegħda tagħmel referenza lejn il-parti tad-diskors tiegħu fejn huwa sostna li “l-ġustizzja m’għandhiex tiġi abbużata għal skopijiet partiġjani wisq anqas għandha tkun iffukata biex tagħmel l-akbar ħsara elettorali. Dan il-kliem għidtu madwar tliet xhur u nofs ilu, hawn barra, lill-ġurnalisti. Il-ġustizzja ma tfissirx terroriżmu politiku, il-ġustizzja onesta u tpattija politika ma jgħixux flimkien.”

Il-Kamra tal-Avukati sostniet li l-Prim Ministru  mhuwiex biss il-Kap tal-Partit Laburista iżda huwa wkoll l-Prim Ministru ta’ Malta u għalhekk għandu l-obbligu li jiżen sewwa l-kliem li juża mingħajr ma jimmina l-ġudikatura u x-xogħol tagħha. Il-ġudikatura għandha titħalla fil-libertà li twettaq ix-xogħol tagħha mingħajr xkiel u mingħajr ma tħares lejn ħadd. 

Il-Kamra tal-Avukati enfasizzat li hija l-ġudikatura biss li tissalvagwarda s-setgħa tad-dritt u li tista’ tiggarantixxi ġustizzja għal kulħadd u għalhekk kwalunkwe kritika lejn il-ġudikatura m’għandhiex issir għal skopijiet politiċi u partiġjani.