Lokali

L-ambjent għandu jkun dritt fil-kostituzzjoni – Bernard Grech

Il-ħidma tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kompliet favur l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja; żewġ temi li mistennija jkunu ċentrali fil-kampanja li ġejja. Dan hekk kif matul il-jum, il-Kap tal-PN żar l-uffiċċji tal-ERA fejn seta’ jara x-xogħol siewi li jwettqu l-ħaddiema ta’ din l-entità – jum wara l-ieħor.

Iż-żjara bdiet qalb il-ħaddiema kollha li jaqgħu taħt setturi differenti; fosthom il-biodiversità u l-ilma. Huwa seta’ jara mill-qrib id-dedikazzjoni tal-impjegati u l-professjonisti kollha sabiex mhux biss jiġi salvagwardjat l-ambjent ta’ pajjiżna, iżda jiġi assigurat ukoll li jkollna kwalità ta’ ħajja aħjar.

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista għal din iż-żjara kien hemm ix-Shadow Minister, Rebekah Borg u l-kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Norma Camilleri.

Aktar tard, Bernard Grech seta’ jara l-makkinarju u l-vetturi li jintużaw mill-ERA, qabel attenda laqgħa mat-tmexxija tal-Awtorità.

Fl-aħħar ġimgħat u xhur rajna lill-Gvern li kontinwament imbotta politika li biha qered l-ambjent ta’ madwarna – fosthom fil-Mosta u Marsalforn. Dan apparti politika ambjentali fqira minn naħa tal-Gvern tant li ħaditna lura għall-enerġija ġenerata minn fuel li jħammeġ – b’detriment għall-ambjent tagħna u għal saħħitna.

B’differenza, il-Partit Nazzjonalista ppreżenta Abbozz ta’ Liġi bil-għan li l-ambjent nadif isir dritt fundamentali fil-Kostituzzjoni Maltija. Permezz ta’ dan l-abbozz se jibda jsir skrutinju pubbliku dwar deċiżjonijiet ambjentali, filwaqt li jiftaħ aktar il-parteċipazzjoni pubblika fejn jidħlu deċiżjonijiet ambjentali.