Lokali

L-imwiet fuq il-post tax-xogħol: Issa daqshekk!

Għal darb’oħra, fl-aħħar jiem pajjiżna esperjenza incident f’sit ta’ kostruzzjoni – din id-darba fil-Furjana. Għalkemm ma kienx hemm fatalitajiet, iż-żewġ ħaddiema involuti sofrew ġrieħi gravi wara li waqgħu tliet sulari – inċident illi jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta’ riformi fis-settur tal-kostruzzjoni.

Hekk stqarr l-editorjal tal-Malta Indipendent, illi fil-ħarġa tat-Tnejn fakkar kif dan l-inċident ma kienx wieħed iżolat. Anzi, kien l-aħħar minn sensiela ta’ inċidenti fis-settur tal-kostruzzjoni.

L-editur stqarr illi l-ismijiet ta’ Jean Paul Sofia, Miriam Pace, u l-Albaniż Bari Balla jservu biex ifakkruna kif falla l-Gvern fil-laxkezza fejn tidħol is-sistema regolatorja u l-infurzar.

Għal żmien twil wisq, is-settur tal-kostruzzjoni baqa’ dominat minn prattiċi mhux ikkontrollati, li jipperikolaw il-ħajja tal-ħaddiema, u anke taċ-ċittadini innoċenti li jgħixu viċin siti fejn għaddej xogħol ta’ bini.

Fil-fatt, l-editur jgħid illi l-ansjetá fost iċ-ċittadini li jgħixu qrib siti ta’ kostruzzjoni hija inkwietanti ferm. Tant li s-sidien tal-bini fejn seħħ l-aħħar inċident fil-Furjana, kienu ħallew il-post minħabba tħassib dwar is-sigurtà fis-sit tal-kostruzzjoni ta’ maġenbhom. L-editur jisħaq li każi bħal dawn ifakkruna fil-ħtieġa urġenti għal riformi immedjati.