Internazzjonali

L-Iskozja: Iwarrab il-Ministru Ewlieni wara sena biss ta’ tmexxija

Humza Yousaf  irriżenja minn Ministru Ewlieni tal-Iskozja u minn Kap tas-Scottish National Party (SNP) minħabba diżgwid  li daħħlitu ‘fi sqaq politiku’. Yousaf kien ilu Ministru Ewlieni għal sena waħda biss u, b’din id-deċiżjoni, sar il-Kap tal-SNP li l-anqas dam imexxi lill-partit mindu twaqqaf.

Filwaqt li hu se jkompli bħala Ministru Ewlieni Skoċċiż fuq bażi proviżorja, diġà bdiet it-tfittxija għas-suċċessur tiegħu li jrid ukoll jieħu r-riedni tal-SNP.

Is-sitwazzjoni hi konsegwenza tat-tmiem tal-ftehim għall-qsim ta’ poter tal-SNP mal-Ħodor tal-Iskozja — u wara li Humza Yousaf, fi tmiem il-ġimgħa, ikkonkluda li ma kienx hemm lok għal ftehim ieħor u li ‘kellu jsir vot biex huma jeħilsu minnu’. Intant, hu ammetta li ‘ma ikkalkulax il-livell ta’ dieqa u dispjaċir’ li kellu jirriżulta mid-deċiżjoni biex jaqta’ l-irbit minn mal-Ħodor.

Il-partiti tal-Oppożizzjoni fil-Parlament Skoċċiż, intant, ressqu żewġ voti ta’ sfiduċja – wieħed rigward l-Ewwel Ministru u bil-vot l-ieħor fil-konfront tal-Gvern immexxi mill-SNP…Partit li sena ilu għadda minn battalja kbira interna għat-tmexxija u li kapaċi tfeġġ mill-ġdid matul il-ġranet li ġejjin. Fil-fatt, qed jingħad li Humza għażel li jirriżenja aktar milli jiffaċċja dawn il-voti li għandhom jittieħdu ‘il quddiem, din il-ġimgħa.