Lokali

L-ispettaklu fil-Port il-Kbir pospost mill-ġdid minħabba riħ qawwi previst illum u għada

L-ispettaklu skedat fil-Port il-Kbir, li għandu jimmarka l-20 anniversarju mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, flimkien mal-ispettaklu pirotekniku fl-istess port, li jġib fi tmiemu l-Festival Internazzjonali tan-Nar, mhux se jsir it-Tlieta, 30 ta’ April 2024, iżda minflok huwa skedat għal nhar il-Ġimgħa, 3 ta’ Mejju 2024, mid-9pm ’il quddiem. Dan minħabba r-riħ qawwi previst għal-lum u għada.

L-ispettaklu, li se jfakkar għoxrin sena mindu Malta saret Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, jinkludi rappreżentazzjoni piroteknika flimkien ma’ spettaklu kkulurit fl-ajru u wirja mill-isbaħ mit-talent lokali. Il-Festival Internazzjonali tan-Nar ukoll jinvolvi tħejjijiet kbar fil-Port il-Kbir u dak imħejji ma kienx jippermetti li dan jittella’ għada minħabba raġunijiet ta’ sigurtà marbuta mal-preparamenti li kien jeħtieġ isiru f’dawn is-sigħat.