Internazzjonali

L-Ukrajna: Jirtiraw mill-pożizzjonijiet f’Donetsk…iżda mhumiex f’xifer ta’ kroll

Il-Kap-kmandant tal-qawwiet Ukreni ammetta li s-sitwazzjoni għat-truppi tiegħu fuq il-front tal-gwerra qalbet għall-agħar quddiem sensiela ta’ attakki mill-qawwiet tar-Russja. Is-sitwazzjoni, fil-fatt, qed tidher inkwetanti għall-qawwiet Ukreni wara li r-Russi, fl-aħħar ġranet, kisbu xi ‘suċċessi tattiċi’ f’numru ta’ setturi.

Madankollu, is-sitwazzjoni kapaċi tinqaleb ladarba l-Ukreni, ‘il quddiem,  jirċievu aktar munizzjon u armamenti moderni biex jiddefendu l-pożizzjonijiet tagħhom –grazzi għall-impenji tal-Istati Uniti u pajjiżi oħrajn tal-Punent.

Min-naħa tiegħu, il-Kap-kmandant Ukren,  Oleksandr Syrskyi, qal li t-truppi tiegħu kellhom jabbandunaw xi pożizzjonijiet fir-reġjun ta’  Donetsk, lejn il-lvant tal-Ukrajna, b’kaġun tal-aħħar offensiva mir-Russi. Kollox jindika, intant, li r-Russja qed tipprova tisfrutta l-massimu tas-superjorità tagħha – f’termini ta’ suldati u artillerija – qabel l-Ukreni jirċievu l-parti kbira tal-armamenti minn barra.

Għalkemm l-Istati Uniti, jiem ilu, qablet biex tibgħat pakkett ta’ għajnuna militari lill-Ukrajna ekwivalenti għal aktar minn 50 biljun ewro, dawn l-armi jistgħu jdumu biex jaslu lill-militar Ukren fuq il-front tal-gwerra…Dan meta l-istess militar ilu l-aħħar xhur ibati min-nuqqas ta’ munizzjon u difiżi għal kontra l-attakki mill-ajru minkejja r-reżistenza feroci lill-qawwiet ta’ Moska.

Intant, il-Ġeneral Syrskyi insista li s-sitwazzjoni għat-truppi tiegħu mhix ‘il-bidu ta’ kroll sinifikanti’ waqt li spjega li l-irtirar seħħ biss minn madwar zona ta’ Donetsk li kienet tifform parti minn linja difenziva…Zona li kienet twaqqfet wara li l-belt ta’ Avdiivka waqgħet f’idejn ir-Russi fi Frar li għadda.

Fl-aħħar jiem kienu għaddejjin numru ta’ battalji kbar fil-limiti ta’ Chasiv Yar, fortizza tal-Ukreni li r-Russja qed tipprova taħtaf  bħala parti mill-ambizzjonijiet tagħha biex tikkontrolla medda akbar ta territorju fil-madwar ta’  Avdiivka.