Lokali Qorti

Raġel jibda għaddej ġuri b’rabta ma’ serqa fl-2005 li ħalliet anzjana feruta gravi

Fil-Qorti Kriminali ntqal kif anzjana kienet sofriet ġrieħi f’rasha u fl-għarkupptejn waqt serqa f’darha fl-2005, hekk kif it-Tnejn beda l-ġuri tal-allegat aggressur tagħha.

Keith Cremona ta’ 35 sena beda għaddej ġuri quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, akkużat li daħal f’residenza f’San Ġiljan u żamm lill-anzjana kontra l-volontà tagħha, u weġġagħha gravament. Rapporti ta’ dak iż-żmien kien qalu li Lm200 (€465) kienu nsterqu minn grupp ta’ tliet ħallelin.

Cremona, li kellu biss 17-il sena fiż-żmien tas-serqa, jinsab mixli b’serq aggravat bi vjolenza, bil-valur u l-ħin, kif ukoll li żamm lill-mara illegalment kontra r-rieda tagħha u li kkaġunalha ġrieħi gravi. Fost ix-xhieda li xehdu kien hemm l-espert mediko-legali Dr Mario Scerri u l-konsulent tal-mediċina flemerġenza, Jonathan Joslin.

Joslin qal lill-Imħallef, li qed tippresiedi l-ġuri li fih l-imputat għażel li jinstema’ mingħajr ġurati, li l-mara kienet sofriet ġrieħi gravi f’rasha u spalla żlugata, waqt li l-ħallelin daħlu ġewwa d-dar tagħha, riżultat ta’ daqqiet li ngħataw b’cordless telephone.

Cremona qed jiffaċċja wkoll proċeduri separati li fihom huwa mixli li għamel ħsara f’karozza tal-pulizija u tliet muturi, kif ukoll li weġġa’ ħafif żewġt irġiel u li saq b’mod perikoluż, wara li allegatament il-pulizija segwewh permezz ta’ ‘car chase’ fil-Marsa, sentejn ilu.

Il-Prosekuturi Kevin Valletta u Ramon Bonett qed jirrappreżentaw lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-avukati Arthur Azzopardi, David Gatt u Ishmael Psaila qed jassistu lill-imputat.